Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija f’pajjiżna kompliet tattira aktar kritika.
Din id-darba mill-Eks President tal-UHM Jesmond Bonello li fuq il-programm Pjazza elenka u spjega l-fatti wara li kieku kellu jiġi liberalizzat is-suq tal-enerġija ta’ pajjiżna.
Fil-fatt, Bonello sostna kif l-għan aħħari ta’ kumpanija privata li tidħol f’dan is-suq, bħal kull suq ieħor, huwa li tagħmel profitt.
Qal, “Jekk jiena għandi kumpanija privata jien x’se nagħmel mhux nipprova nġib il-profitt? U jekk inti ħa ttini prodott mhux ħa nżid fuqu u dak il-prezz intih lill-konsumatur? Issa jekk jien ħa nilliberalizza din is-sitwazzjoni, nilliberalizza d-dawl u l-ilma, min ħa jbati? Mhux il-ħaddiema.”
Apparti minn hekk Bonello spjega wkoll li kieku dan is-suq kellu jiġi liberalizzat, is-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija jiġu xi ħaġa tal-passat.
Stqarr, “Illum il-Gvern qed ikompli jissussidja. Survej li ħareġ dan l-aħħar tal-Eurostat qed jgħid li l-prezzijiet ta’ Malta tal-elettriku qegħdin fost l-inqas tal-Unjoni Ewropea umbagħad imma hemm pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, qegħdin ferm ogħla. Mela jekk niġu f’ċirkustanzi fejn il-Gvern mhux se jkun jista’ jissudja iktar l-elettriku, x’se jiġrilu l-ħaddiem?”
B’hekk f’sitwazzjoni li qed jgħaddi minnha bħalissa stess pajjiżna fejn il-Gvern qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija minħabba l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista, il-Gvern ma jkunx jista’ jagħmel dan.
Bonello mhux l-unika wieħed li sostna dawn il-punti.
Fil-fatt, il-MaltaToday rrimarkat li fir-Renju Unit, li kien pijunier fil-qasam partikolarment b’rabta mal-proċess ta’ liberalizzazzjoni il-prezzijiet tad-dawl malajr għolew b’rata mgħaġġla.
Apparti minn hekk fi stqarrija Żminijietna Leħen ix-Xellug innota li f’Malta, it-tariffi tal-enerġija huma ferm baxxi meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra tant li hija inqas min-nofs il-medja Ewropea u erba’ darbiet orħos minn pajjiżi bħall-Irlanda u l-Ġermanja.
Hawn ukoll intqal li l-proposta ta’ Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista se toħloq problemi għall-affordabbiltà u s-sigurtà tal-enerġija.