“Dak li għażlet tagħmel Janice Chetcuti fil-verità mar kontra l-interess tan-nisa fil-politika.”
Kien b’dan il-messaġġ skjett u dirett li l-editorjal tal-gazzetta The Malta Independent għażel li jindirizza l-manuvra ta’ Janice Chetcuti u l-Partit Nazzjonalista biex ma titfax isimha għall-elezzjonijiet każwali u titla’ minflok bil-mekkaniżmu favur rappreżentanza iżjed ugwali bejn is-sessi fil-Parlament.
Dan biex b’hekk jitla’ raġel minflokha.
L-editur ta’ The Malta Independent sostna kif din il-manuvra spiċċat imminat lil mara oħra kandidata fil-Partit Nazzjonalista li f’dan il-każ kienet Emma Portelli Bonnici.
Din mhux l-ewwel ċamata li qala’ l-Partit Nazzjonalista kawża ta’ din il-mossa kontroversjali.
Ftit tal-jiem ilu l-għaqda favur l-emanċipazzjoni tan-nisa, il-Malta Women’s Lobby fissret din il-manuvra bħala daqqa ta’ ħarta għal rappreżentazzjoni iżjed ġusta fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Il-Malta Women’s Lobby kienet argumentat ukoll li din il-manuvra ma hi xejn għajr skuża u evidentament l-affarijiet interni tal-Partit Nazzjonalista ħadu prijorità fuq ir-rappreżentanza demokratika fil-pajjiż.
Tal-istess ħsieb kien l-editur ta’ The Malta Independent hekk kif tenna li l-mod ta’ kif is-sistema kienet “manipulata,”, tindika wkoll li l-Partit Nazzjonalista jrid in-nisa fil-Parlament Malti sempliċiment għall-ġeneru tagħhom u mhux għax verament jemmen fil-kapaċitajiet tagħhom u fuq dak li għandhom x’joffru lill-politika Maltija.
L-editorjal tkellem ukoll fuq is-suppost tiġdid fil-Partit Nazzjonalista.
Saħaq li b’din il-manuvra, li tingħata preferenza lil Carm Mifsud Bonnici minflok Janice Chetcuti titfa’ mistoqsijiet kbar fuq ir-rieda tal-Partit Nazzjonalista li jiġġedded.
Mingħajr kantunieri l-editur tal-gazzetta temm jgħid li din id-deċiżjoni ta’ Chetcuti jew tal-Partit Nazzjonalista, kienet waħda żbaljata.