Id-Dipartiment tal-Akwakultura ħabbar li b’mod immedjat se jdaħħal fis-seħħ aktar miżuri ta’ kontroll fuq l-operaturi tal-fish farms. Dan wara spezzjonijiet li saru f’numru ta’ gaġeġ tat-tonn bħala parti minn eżercizzju regolari ta’ kontroll. Hawn instab li f’xi gaġeġ ta’ ċerti operaturi kien hemm diskrepanzi fl-ammont ta’ ħut ma’ dak reġistrat.
Id-Dipartiment ser ikompli għaddej b’aktar spezzjonijiet, filwaqt li r-riżultati ta’ dawk li diġà saru ser ikunu qegħdin jgħaddu għal aktar investigazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti.
Dawn il-kontrolli ġew ikkomunikati uffiċjalment lill-operaturi kollha fejn taw l-assigurazzjoni meħtieġa li ser ikunu implimentati b’mod immedjat. Id-Dipartiment bħala regolatur ewlieni f’dan il-qasam ser ikompli bil-ħidma regolatorja tiegħu permezz ta’ aktar spezzjonijiet ta’ kontroll fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin sabiex jassigura l-konservazzjoni u s-sostenibilità tas-settur.
Il-Ministeru jisħaq illi filwaqt li huwa impenjat li dan is-settur ikompli jissaħħaħ, huwa importanti li kwalunkwe attività mwettqa tkun waħda sostenibbli.