Il-Federazzjoni Maltija għall-produtturi tal-Akwakultura qed tipproponi li jkun hemm kameras tas-sigurtà f’portijiet u żoni oħra qrib ix-xtajtiet sabiex ħadd ma jdaħħal tonn illegali.
Din hija waħda minn miżuri ġodda li qed tipproponi l-Federazzjoni sabiex ikun hemm aktar kontrolli u tissaħħaħ l-industrija tat-tonn f’pajjiżna.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv tal-federazzjoni Maltija għall-produtturi tal-Akwakultura Charlon Gouder qal li qed jiġi propost li jkun hemm sistema ta’ punti, bħas-sistema ta’ punti tas-sewqan, biex min jikser il-liġi jkun jista’ jitlef il-liċenzja. Saħaq li din is-sistema għandha tapplika kemm għas-sajjieda, kemm għall-bejjiegħa tal-ħut kif ukoll għas-sidien tar-restoranti.
Il-federazzjoni qed tipproponi wkoll li pajjiżna jkollu makkinarju tad-DNA li jistabillixi jekk ħuta li tinstab max-xtajta hiex tonn tal-fishfarm jew le.
Charlon Gouder qal li f’pajjiżna hawn erba’ operaturi tal-fish farms u li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni fejn ġieli jkun hemm ammont ta’ sajjieda jistadu qrib il-gaġġeġ tat-tonn tagħhom. Huwa sostna: “Nimbuttaw miżuri ta’ infurzar u kontrolli li jmorru aktar milli jirrikjedu fuqna fuq livell internazzjonali. Il-Gvern qed nipproponu dawn il-proposti u qed juri interess fihom sabiex tiżdied ir-responsabilità anki fuq l-ispeċi.”
Dwar il-fenomenu ta’ ragħwa bajda fil-baħar, il-Federazzjoni qalet li ħafna drabi dan huwa fenomenu naturali u mhux ikun ħiereġ mill-fish farms.