Bejn is-sena elfejn wieħed u għoxrin u din is-sena ħarġu ħamsin pożizzjoni għal konsulenti fil-qasam tas-Saħħa: żieda sostanzjali meta mqabbel mas-snin ta’ qabel hekk kif kull sena kienu joħorġu erba’ jew ħamsa.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, meta mistoqsi fil-Parlament dwar il-proċess tal-ingaġġ ta’ aktar konsulenti fis-sistema tas-saħħa.
Chris Fearne spjega kif, qabel, is-sistema kienet waħda li tissejjaħ consultant-led, fejn kien hemm numru żgħir ta’ konsulenti b’bosta tobba b’inqas esperjenza li jaqgħu taħt dawn il-konsulenti.
Spjega kif matul dawn l-aħħar snin il-Gvern ħadem biex ibiddel is-sistema b’kunċett imsejjaħ consultant-based, fejn ikollok aktar konsulenti biex b’hekk pazjent li jkun qed jieħu l-kura jkollu ċans jiltaqa’ ma’ konsulent b’aktar esperjenza.
Chris Fearne spjega kif din iż-żieda ta’ postijiet għall-konsulenti se tkun waħda rikurrenti fis-snin li ġejjin, sabiex jiġi żgurat servizz imtejjeb tal-ogħla kwalità għall-pazjenti kollha.