Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ħareġ iwieġeb lill-eks Kap Adrian Delia u lid-deputati Nazzjonalisti oħra li sostnew li jitolbu free vote dwar il-liġi tal-IVF wara li, fost oħrajn, esprimew li huma kontra l-liġi.
Fi stqarrija li ħareġ ftit tal-minuti ilu, il-Partit Nazzjonalista ħareġ jikkonferma l-qasma u l-konfużjoni u l-ġlied kbir li qam fuq il-pożizzjoni li għandu jadotta l-partit immexxi minn Bernard Grech dwar il-liġi tal-IVF.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista qalet li d-Deputati li qalu li bagħtu ittra bil-miktub jew anki kitbu email, ma talbux għal free vote waqt laqgħat tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Dan intqal mill-partit ta’ Bernard Grech wara li Delia giddeb lil Kap mal-Malta Today u qal li huwa għal free vote, anki jekk il-Ħadd filgħaxija Bernard Grech saħaq li ħadd mill-Grupp Parlamentari ma talab għal free vote.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ċanfret ukoll lil dawk id-Deputati Nazzjonalisti li qed jitolbu free vote, li qed imorru kontra l-istatut tal-partit stess, għaliex fakkret li huwa biss fi Grupp Parlamentari li jista’ jiġi deċiż il-free vote.
Il-Ħadd filgħodu, f’intervista fuq l-istazzjon tiegħu, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jivvota favur il-liġi tal-IVF, anki jekk qabel indika li hu kontra u wieħed mid-Deputati tiegħu, Stephen Spiteri esprima ruħu kontra l-PGTM testing, ittestjar fuq l-embrijuni għal kundizzjonijiet ġenetiċi serji li ħafna minnhom jikkawżaw imwiet ftit wara t-twelid.
Fl-istess jum u sigħat wara li Bernard Grech esprima kif għandu jivvota l-partit, deputati Nazzjonalisti differenti fosthom Adrian Delia, Ivan Bartolo, u Carm Mifsud Bonnici wrew pożizzjoni kontra dik tal-Kap. B’hekk, il-firda fil-Partit Nazzjonalista kompliet tippersisti mhux biss fil-livell ta’ materji interni iżda wkoll f’dak ta’ suġġetti li jolqtu l-pajjiż u l-familji.