Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed ikompli jinqasam ma’ kull siegħa li tgħaddi quddiem il-vot dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF.
Dan hekk kif ftit tal-minuti ilu d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo wkoll għamilha ċara li mhux se jkun qed jivvota skont dak li qal Bernard Grech.
Il-Ħadd filgħodu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qabel mal-emendi fil-liġi tal-IVF.
Id-dikjarazzjoni ta’ Ivan Bartolo tkompli żżid mal-konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista u l-messaġġi kuntrastanti bla waqfien li ħarġu mid-Dar Ċentrali fil-proċess tad-dħul tal-emendi f’din il-liġi.
Il-Ħadd filgħodu stess, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia b’differenza għall-Kap tiegħu stess, qal li “bla tlaqliq huwa ma jaqbilx ma’ testing fuq l-embrijun.” Dan b’rabta mal-proċess magħruf bħala PGT-M testing li l-introduzzjoni tiegħu fl-emendi fil-liġi tal-IVF ser jara li jiġu identifikati kundizzjonijiet ġenetiċi serji.
Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici wkoll għamel tiegħu l-messaġġ ta’ Adrian Delia biex ingħaqad man-numru ta’ Deputati li ddevjaw mil-linja ta’ Bernard Grech.
Id-dikjarazzjonijiet tad-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri ftit tal-ġimgħat ilu wkoll komplew iżidu mal-konfużjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq dan is-suġġett hekk kif fuq l-istazzjon nazzjonali kien iddikjara li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kontra l-PGT-M testing fil-maġġoranza tal-każijiet, dan diskors fil-Parlament li Bernard Grech kien għamel.
Il-konfużjoni fil-Partit Nazzjonalista saħansitra kompliet tiżdied mill-Kap stess meta fuq ix-xandir, qabel bdiet tiġi diskussa l-liġi, Bernard Grech indika li l-ewwel huwa kontra.
Dan apparti li fil-Parlament deher ċar u nqabad li ma kienx jaf xi tgħid il-liġi.
Dan għaliex qal li fil-liġi missu jidħol il-Polar Body Testing jiġifieri ttestjar fuq il-bajd tal-mara.
Dan qalu anki jekk fil-liġi proposta hemm imniżżel b’mod ċar li l-polar body testing jista’ jsir.