L-emendi fil-liġi tal-IVF komplew ikunu sors ta’ konfużjoni kbira fil-Partit Nazzjonalista.
Dan kompla joħroġ biċ-ċar il-Ħadd filgħodu wara dikjarazzjonijiet kuntrastanti bejn il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u d-Deputat u Eks Kap Adrian Delia.
Waqt intervista f’kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech b’konvenjenza sostna kif il-Grupp Parlamentari tal-PN se jkun qed jivvota favur l-liġi ġdida tal-IVF imressqa mill-Gvern.
“Wasalna għal pożizzjoni finali fil-grupp li qed jgħid li qed jaqbel ma’ din il-liġi kif emendata u allura l-vot għandu jkun iva,” iddikjara Grech
Dan minkejja li fuq l-istazzjon nazzjonali ftit tal-ġimgħat ilu l-istess Bernard Grech kien indika li l-Partit Nazzjonalista se jivvota kontra din il-liġi li tinkludi l-ittestjar tal-embrijun għal kundizzjonijiet ġenetiċi serji. Proċess magħruf bħala l-PGT-M testing.
Saviour Balzan – “Jiġifieri hija ċara li hemmhekk hemm distakk ideoloġiku mill-pożizzjoni proposta u l-proposta tagħkom jew il-mod ta’ kif qed tħarsu lejn l-affarijiet qed ngħid sew?”
Bernard Grech qal, “Le jien qed ngħid li l-ħajja għandha valur. Ċara.”
Madankollu minkejja li Grech qal li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista għandu pożizzjoni finali u se jkun qed jivvota iva, mhux tal-istess fehma kien l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia hekk kif b’konfrontazzjoni diretta għad-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech, fuq il-profil tiegħu fuq Facebook tenna hekk.
“Bla tlaqliq u biex inkun ċar niddikjara li jien ma naqbilx ma’ testing fuq l-embrijun.”
Din il-pożizzjoni ta’ Adrian Delia tmur direttament kontra dik sostnuta mill-Kap Bernard Grech, biex b’hekk għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista jinsab maqsum fuq materja tant importanti ftit sigħat qabel jittieħed vot fl-istadju tat-tielet qari fil-Parlament fil-konfront ta’ dawn l-emendi fil-liġi tal-IVF.
Din il-qasma ġiet innutata wkoll mill-midja indipendenti ta’ pajjiżna hekk kif innutaw għal darb’oħra disgwid ċar fil-politika tal-Partit Nazzjonalista.
B’hekk il-Partit Nazzjonalista kompla fil-konfużjoni li ħalla ftit tal-jiem ilu b’rabta ma’ din il-materja.
Dan wara li anke l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri fuq l-istazzjon nazzjonali kien iddikjara li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kontra t-test magħruf bħala PGTM, fil-maġġoranza tal-każi.
Saviour Balzan staqsa, “Jekk qed nifhem sew intom għadkom ma taqblux li jsir it-testing fuq l-embrijun?
Stephen Spiteri qal, “Aħna ma naqblux, ħlief f’eċċezzjonijiet partikolari.“
Savior Balzan qal, “Bernard Grech jew ma kienx ċar jew inkella kien qed iħalli daqsxejn ta’ għażla. Iġifieri int qed tgħid u kkoreġini jekk qed ngħid ċuċata. Int qed tgħid li intom mintomx favur il-PGTM. Intom qed tgħidu għandu jsir intervent qabel.
Stephen Spiteri qal, “Mela mela, qed tifhem tajjeb ħafna.“
Intant il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mhux biss kompla bil-konfużjoni fil-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF iżda wkoll kompla bl-iżbalji tiegħu b’rabta mal-liġi mressqa.
Wara li fl-istadju tat-tieni qari ta’ din il-liġi fil-Parlament Bernard Grech inqabad ma jafx x’fiha l-liġi tal-IVF u l-protokoll propost li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti, fil-kollegament telefoniku tal-Ħadd reġa’ rrepeta l-istess żball hekk kif tenna li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jsir l-hekk imsejjaħ Polar Body testing – jiġifieri ttestjar fuq il-bajd.
“Għalhekk ressaqna l-emenda biex fost l-oħrajn il-Polar Body testing jsir parti minn din il-liġi u din l-emenda li ressaqna ġiet aċċettata,” irrimarka Grech.
Dan minkejja li dan il-protokoll diġà kien imsemmi iswed fuq l-abjad fl-emendi li ppropona l-Gvern għal din l-istess liġi.