Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar illum fisser 18-il Key Performance Indicator (KPI) ġdid għas-Servizz Pubbliku, maħsubin biex is-servizz li jingħata lill-klijent ikun dejjem tal-ogħla kwalità u biex ikun is-Servizz Pubbliku li jmur għand il-klijent u mhux viċi versa.
F’konferenza tal-aħbarijiet fejn ta spjegazzjoni dettaljata ta’ kull KPI, is-Sur Cutajar qal li s-sodisfazzjon għal dawn il-KPIs ġodda hu dovut l-aktar għax dawn mhumiex għanijiet imposti fuq is-Servizz Pubbliku iżda huma ħtiġijiet li ħass is-Servizz Pubbliku stess u qed jimplimentahom. Dan hu Servizz Pubbliku li jippjana u jaħseb għalih innifsu, jaqdef ’il quddiem u jħares ’il barra minnu biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-klijenti interni u esterni tiegħu, qal is-Sur Cutajar.
Il-KPIs li tħabbru llum jiżdiedu mat-12 li kienu tnedew f’Mejju tas-sena li għaddiet u li kienu twettqu fi żmien 100 jum, kif pjanat.
Bil-KPIs il-ġodda, immirati partikolarment lejn it-tisħiħ tal-operat tad-dipartimenti tal-gvern, qed jitwaqqfu diversi one-stop-shops ġodda biex il-klijent isib is-servizzi li jkollu bżonn taħt saqaf wieħed. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jkun qed jintegra f’one-stop-shop wieħed 63 servizz li bħalissa huma offruti minn dipartimenti u entitajiet differenti fi ħdanu; se jitwaqqaf one-stop-shop ieħor fil-Furjana fejn il-pubbliku jsib servizzi ewlenin ta’ customer care f’sitwazzjonijiet vulnerabbli; se jinfetaħone-stop-shop ċentrali biex il-klijent ikun moqdi minn post wieħed għal dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ tassazzjoni u twaqqaf ukoll one-stop-shop għall-uffiċjali pubbliċi.
Il-KPIs imħabbra llum jipprovdu wkoll għal: amministrazzjoni ċentrali waħda rigward tassazzjoni; tisħiħ tas-servizzi fid-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali; tisħiħ tal-Compliance and Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti; aktar effiċjenza fil-ħidma tal-pagi fil-Ministeru għal Għawdex; aktar effiċjenza fid-Dipartiment tal-Kummerċ fir-rigward ta’ reġistrazzjoni ta’ patents, trademarks u proprjetà intellettwali; riforma fil-qasam tal-artiġjanat; sistema online biex persuna tapplika għal grants li permezz tagħha l-ħlas tal-grants se jibda jsir fi żmien ħamest ijiem biss; armonizzazzjoni ta’ proċeduri fl-iskejjel tal-istat biex ikun faċilitat ix-xogħol tal-edukaturi u jingħata servizz aktar effiċjenti lill-ġenituri u lill-istudenti; inizjattivi fid-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex jingħata aktar appoġġ lill-kunsilli lokali filwaqt li jkun hemm aktar kontabilità; servizzi ġodda f’Business 1st; mekkaniżmu biex il-prijoritajiet tas-Servizz Pubbliku jkunu komunikati lill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi biex jiġu riflessi fil-prospectus ta’ dan l-istitut; audits ta’ kwalità fid-dipartimenti li joffru servizz lill-klijenti u l-ftuħ ta’ uffiċċju ta’ Identity Malta fl-Isptar Mater Dei għan-notifika ta’ twelid u ta’ mewt u applikazzjonijiet għal passaporti ta’ tfal li jkollhom bżonn isiefru b’urġenza.
Barra minn hekk, permezz ta’ proġett pilota, minn nhar is-Sibt li ġej se jkunu estiżi l-ħinijiet ta’ uffiċini tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, sabiex il-klijenti jkunu moqdijin aħjar filwaqt li jkun hemm aktar flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol tal-uffiċjali pubbliċi involuti.
Is-Sur Cutajar esprima sodisfazzjon li permezz tal-KPIs, is-Servizz Pubbliku qed ikompli jillima l-kultura tradizzjonali ta’ silos fi ħdanu filwaqt li jkun hu stess li jħoss u jagħti widen għall-ħtiġijiet tal-klijenti u jwettaqhom. Dan hu Servizz Pubbliku li ma jħarisx biss ’il ġewwa biex itejjeb lilu nnifsu iżda jħares ukoll lil hinn minnu biex iwettaq ix-xewqat u l-ħtiġijiet tal-klijenti tiegħu.
Is-Sur Cutajar qal li dan kollu s-Servizz Pubbliku se jimmanifestah fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku li se ssir mit-18 sas-27 ta’ Mejju. Din se tkun ġimgħa li matulha s-Servizz Pubbliku juri x’għamel s’issa u x’beħsiebu jagħmel filwaqt li jiltaqa’ mal-klijenti tiegħu f’sensiela ta’ attivitajiet miġburin taħt it-tema ‘Servizzi Pubbliċi għand Kulħadd Kullimkien’.