Il-kisbiet tal-komunità LGBTIQ f’pajjiżna issa huma dokumentati fi ktieb ġdid bl-isem ta’ ‘A Seat at the Table’ ppublikat mill- ‘Malta Gay Rights Movement’. Dan il-proġett iffinanzjat mill-Voluntary Organisation Projects Scheme qed jitfa’ dawl fuq il-moviment tal-komunità LGBTIQ f’pajjiżna li wassal biex s-Soċjetà Maltija tkun verament waħda ugwali.
L-awtur tal-ktieb, Simon Bartolo saħaq li l-fatt li l-kisbiet f’pajjiżna huma daqshekk uniċi u proattivi u meta ra li pajjżi oħra kienu qed jiġu mħeġġa jimxu fuq il-passi ta’ Malta bħala kittieb ħass il-bżonn li jkun hu li jiddokumenta l-istorja. Il-ktieb iħares lejn din l-istorja ta’ suċċess minn għajnejn bosta attivisti, organizzaturi, politikanti u personaġġi. Huwa spjega kif it-titlu tal-ktieb jispjega b’mod preċiż il-kisbiet tal-komunità LGBTIQ f’pajjiżna.
“Inħoss li s-siġġijiet madwar il-mejda huma ta’ tipi ta’ nies differenti u s’issa t-tip ta’ nies LGBTIQ ma’ kellhomx siġġu ugwali bħall-oħrajn. U issa fl-aħħar, speċjalment permezz tal-Marriage Equality 2017 għandhom post li huwa ugwali mal-bqija tal-popolazzjoni.”
Il-Prim Ministru Joseph Muscat li kien preżenti għat-tnedija tal-ktieb qal kif permezz tar-riformi kbar f’pajjiżna, inbidlet il-kultura u ingħatat l-libertà tal-imħabba lil kulħadd. Muscat saħaq li issa wkoll pajjiżna jinsab qrib ta’ kisba oħra permezz tal-bidla fil-liġi tal-IVF li se jgħati t-tama li jkunu ġenituri lil bosta. Is-segretarju parlamentari għaż-żgħażagħ, sport u għaqdiet volontarji ħa l-okkażjoni biex jawgura lill-MGRM fuq is-suċċess li kisbu f’dan il-proġett filwaqt li ħabbar li l-istess movment reġ’ ġie minn ta’ quddiem fl-iskema tal-proġetti għal din is-sena. Il-Ministru għall-affarijiet ewropej u l-ugwaljanza, Helena Dalli li wkoll kienet preżenti saħqet li filwaqt li m’hix ser tkun faċli r-riformi iridu jibqgħu isiru b’mod mgħaġġel. Biex b’hekk kif qal il-prim ministru Joseph Muscat, dan il-ktieb ma jkunx mitmum iżda jkun fadallu ħafna iktar kapitli ta’ suċċessi x’jinkitbu.