It-tieni jum tal-kampanja elettorali kien ieħor ta’ taħwid u tħarbit għall-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif tliet Deputati Nazzjonalisti ta’ Bernard Grech iddikjaraw li rtiraw il-kandidatura tagħhom għall-elezzjoni ġenerali.
Dawn huma l-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Deputat Nazzjonalista Clyde Puli, Kristy Debono u Mario Galea.
Dawn ilkoll qalu li ma jridux joħorġu għall-elezzjoni ġenerali jmiss f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kkonferma l-irtirar tat-tliet kandidati Nazzjonalisti li għal xi żmien kienu lkoll leali lejn Adrian Delia, bi tnejn minnhom baqgħu sal-aħħar wara l-eks Kap fl-eqqel tal-ġlieda għall-post tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fi Frar ta’ sentejn ilu, Clyde Puli rriżenja minn Segretarju Ġenerali Nazzjonalista fl-eqqel tal-konġuri li wittew it-triq biex tneħħa Delia u tpoġġa Bernard Grech.
Kristy Debono kienet oħra viċin l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, fejn taħt it-tmexxija tiegħu, hija kienet President tal-Kunsill Ġenerali.
Minn dan l-irwol irriżenjat fi Frar ta’ sentejn ilu, bl-istess raġuni ta’ Clyde Puli meta rriżenja minn Segretarju Ġenerali.
Ma’ dawn it-tnejn hemm ukoll id-Deputat Mario Galea, li huwa kien viċin il-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia.
Dan l-irtirar ta’ kandidati jsegwi oħrajn fl-aħħar xhur fosthom Hermann Schiavone, Roselyn Borg Knight, Tiffany Abela-Wadge u George Muscat.
Aqra ukoll: