Id-Deputat Nazzjonalista Herman Schiavone huwa ieħor fil-Grupp Parlamentari tal-Kap Bernard Grech li rtira l-kandidatura tiegħu minn mal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Wara Therese Comodini Cachia, Schiavone għamel dan il-pass u qal li mhux se joħroġ għall-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-partit ta’ Bernard Grech.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista ried jgħatti x-xemx bl-għarbiel billi rringrazzja lil Schiavone u mkien ma semma li Schiavone ma jridx ikun kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Saħaq biss li Schiavone se jibqa’ jaħdem fil-partit.
Apparti l-irtirar ta’ Schiavone u Comodini Cachia minn kandidati, lejn l-aħħar ta’ Novembru, Roselyn Borg Knight ukoll irtirat il-kandidatura tagħha.
Borg Knight hija s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista u bħal Schiavone, hija kienet leali lejn Adrian Delia.
Schiavone saħansitra kien mexxa l-ewwel kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap lil Delia, sakemm imbagħad ġie meqjus minn uħud mill-fazzjoni ta’ Delia, bħala traditur wara li sfiduċja lil Delia fis-sajf tal-2020.
Schiavone irtira l-kandidatura tiegħu ftit tal-ġimgħat wara li sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li t-tmexxija tal-partit kienet irrabjata ferm għalih għad-dikjarazzjoni li kien qal ma’ ONE News.
Dakinhar kien qal li l-fatt li riesqa elezzjoni jagħmilha diffiċli li l-partit ineħħi lil Bernard Grech issa wara s-surveys ħżiena li kellu.
Intant ix-xhur li għaddew kienu kkaraterizzati minn irtirar ta’ kandidat wara l-ieħor f’isem il-Partit Nazzjonalista u anki riżenji.
Fil-fatt irriżenja Jonathan Dingli minn Kunsillier Nazzjonalista fl-Imqabba u Tiffany-Abela Wadge u George Muscat irtiraw ukoll il-kandidatura tagħhom minn mal-Partit Nazzjonalista.
Abela-Wadge kienet sostniet li tħossha maqtugħa mill-Partit Nazzjonalista wara li stqarret li għalqulha ħalqha meta semmiet temi marbuta man-nisa filwaqt li George Muscat irriżenja mill-partit ta’ Bernard Grech wara li l-Partit Nazzjonalista għamel għalih għax faħħar il-fast ferry bejn iż-żewġ gżejjer.