Is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight irtirat il-kandidatura tagħha għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, f’irtirata oħra għall-partit ta’ Bernard Grech.
Skont il-gazzetta ‘The Malta Independent on Sunday’, Borg Knight, waħda minn dawk li kienet meqjusa bħala parti mill-fazzjoni t’Adrian Delia, din il-ġimgħa infurmat lill-Partit Nazzjonalista bid-deċiżjoni tagħha li ma tikkontestax l-elezzjoni li ġejja f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Hi kellha tkun fuq il-lista tal-kandidati Nazzjonalisti fuq id-disa’ u l-għaxar distrett, distretti li kkontestathom fl-aħħar elezzjoni ġenerali u saħansitra anki kienet kandidata fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019.
Issa, taħt Bernard Grech, Borg Knight iddeċidiet li tirtira isimha, bil-gazzetta tgħid li ssemmew raġunijiet professjonali madankollu l-gazzetta stess kwotat sorsi fil-Partit Nazzjonalista, li qalu li aktar kandidati Nazzjonalisti u uffiċjali fil-partit qed iħossuhom skomdi f’partit immexxi minn Grech, li joħnoq il-ħsibijiet liberali.
L-iskuntentizza fil-Partit Nazzjonalista reġgħet laħqet livelli għoljin dan l-aħħar, anki minħabba li l-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis ma ġietx diskussa f’livell ta’ eżekuttiv u l-Grupp Parlamentari qabad ħa waħdu deċiżjoni li jqatta’ biċċiet il-liġi.
Liġi li dwarha l-midja qalet lil Bernard Grech li għaffiġha meta l-ewwel ħareġ jgħid li l-Gvern ikkupjah fuqha imbagħad ħareġ kontriha.
Dan fi sfond ta’ inkwiet u ġlied filwaqt li l-fazzjoni li poġġietu Kap imponietlu l-pożizzjoni li eventwalment ħareġ biha l-Partit Nazzjonalista.
L-Independent saħqet li għalissa Borg Knight se tibqa’ bħala uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista biss hemm nies li jixtiequ jieħdulha postha bħala Segretarju Internazzjonali.
Kariga li Bernard Grech jipprova juża biex jimbotta lilu nnifsu fil-fora internazzjonali speċjalment meta jkollu xi laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew.
Intant l-irtirar ta’ Borg Knight huwa parti minn sensiela ta’ kandidati li għażlu li ma jtellqux f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni li ġejja, fosthom Therese Comodini Cachia, Tiffany Abela-Wadge u George Muscat.
Tal-aħħar irriżenja mill-partit ta’ Bernard Grech wara li l-Partit Nazzjonalista għamel għalih għax faħħar il-fast ferry bejn iż-żewġ gżejjer filwaqt li Abela-Wadge kienet sostniet li tħossha maqtugħa mill-Partit Nazzjonalista wara li stqarret li għalqulha ħalqha meta semmiet temi marbuta man-nisa.