Minn restawr għal investiment fi spazji miftuħa, faċilitajiet sportivi u pubblikazzjonijiet, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi qed ikompli jinvesti fil-komunitajiet permezz ta’ flus li jkunu nġabru miċ-ċitazzjonijiet.
Dawn l-inizjattivi qed isiru b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA), l-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali (AKL) u l-Ministeru, qed ikomplu jitlestew proġetti fil-lokalitajiet li għalihom il-kunsilli lokali jiksbu fondi mingħand il-LESA.
Meta żar proġetti ta’ restawr u tisbiħ f’Ħaż-Żabbar, il-Ministru Byron Camilleri spjega kif dan jissimbolizza l-ħsieb tal-awtoritajiet li d-dixxiplina trid tkun xi ħaġa mhux li tikkastiga iżda li minnha tgawdi s-soċjetà.
Min-naħa tiegħu l-Ministru José Herrera qal li dan il-proġett juri l-għaqal tal-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar u d-dedikazzjoni li għandu lejn il-preservazzjoni tal-wirt kulturali tal-lokal. Huwa fakkar li l-aspett kulturali huwa wieħed mid-disa’ pillastri li fuqhom hija msejsa l-politika tal-gvern għal dak li jirrigwardja l-governanza lokali.
F’Ħaż-Żabbar, il-Ministri żaru n-niċċa tal-Madonna tal-Grazzja fi Pjazza San Ġakbu, in-niċċa ta’ San Antnin u l-funtana tal-Arzella f’Misraħ is-Sliem.
Intant, fil-Fgura kien inawgurat xogħol fuq pitch 5-a-side li għalih ukoll kienu investiti flus li jkunu daħlu miċ-ċitazzjonijiet.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi intqal li l-għan ta’ dan l-investiment hu li ż-żgħażagħ u t-tfal ikollhom spazji iktar tajbin u siguri għar-rikreazzjoni.
Ritratti: MHSE