Ġew inawgurati żewġ proġetti fl-iskola Primarja ta’ Ħal Luqa, li hija parti mill-Kulleġġ San Injazju.
Kif spjega l-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, l-ewwel proġett huwa dak ta’ spazju rikreazzjonali li sar mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, l-FTS.
“Xogħol li sar mill-FTS b’investiment ta’ aktar minn mitejn elf ewro, fejn kellek tisbiħ tal-ambjent, tħawwil ta’ sebgħin xitla. Kellek anke sistema sostenibbli ta’ irrigazzjoni li taħdem paripassu mal-istess bir fl-iskola, u allura qed naraw kif, barra investiment li jsir fil-klassijiet tagħna, qed isir investiment f’dawk li huma l-ispazji miftuħa ġo l-istess skejjel.”
Ix-xogħol kien jinvolvi wkoll it-tneħħija tal-art tal-lastiku antik, xogħol ta’ skavar tal-art u trinek, installazzjoni ta’ sistemi ta’ drenaġġ, tqegħid ta’ konkos mill-ġdid, u art tal-lastiku artab, kostruzzjoni ta’ konki għas-siġar, tħawwil ta’ arbuxelli, pjanti u siġar ġodda, kif ukoll installazzjoni ta’ għamara ta’ barra fosthom bankijiet tal-injam tal-ballut u strutturi tal-qari precast.
Fit-tieni proġett, il-ħaddiema tal-Kulleġġ ħadmu fuq Literacy Room ġdida bil-għan li fl-iskola jiżdied il-ħin iddedikat għall-qari bil-Malti u l-Ingliż filwaqt li jiżdiedu l-prattiċi tajbin tal-litteriżmu.
F’din il-kamra, l-istudenti għandhom ambjent mogħni bil-kotba li m’huwiex il-librerija tal-klassi biss. Barra minn hekk, fil-Literacy Room, il-qari jiġi mgħallem f’ambjent rilassanti u li jimmotiva lill-istudenti fil-kisba tal-litteriżmu.
Attrazzjoni fil-kamra hija siġra magħmula mill-injam u li z-zokk u l-friegħi tagħha jservu ta’ xkaffar għall-kotba. L-art u l-ħitan ukoll jikkumplimentaw lil din is-siġra bl-iskop li jinħoloq ambjent ta’ ġnien li joffri sens ta’ trankwillità; post ideali fejn wieħed iqatta’ l-ħin liberu tiegħu u jaqra.