Tħabbar investiment infrastrutturali fl-Isptar Mater Dei li se jara l-immodernizzar tas-swali, id-Dipartiment tal-Emerġenza, id-Dipartiment tal-Medical Imaging u t-tielet Cardiac Catherisation Suite. Minbarra hekk, tħabbar l-akkwist tal-MR Linac.
Dan l-investiment jingħaqad mal-investiment li qiegħed isir fiċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal Ġdid, li mistenni jinfetaħ u se jibda jilqa’ l-pazjenti fih.
Dawn il-miżuri se jkunu qegħdin jippreparaw aktar lis-settur tas-saħħa għall-ġejjieni hekk kif ġew imfassla skont ix-xejriet demografiċi ta’ pajjiżna u fatturi oħrajn.
F’miżura oħra mħabbra, il-Gvern se jkun qed jinvesti €75 miljun biex imexxi l-Isptar ta’ Għawdex u Karin Grech wara li f’April ħa t-tmexxija tagħhom permezz tal-proċess ta’ control step in.
Waqt il-Baġit tħabbar ukoll li, fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed jinfetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid fir-Rabat, Għawdex, li se jibda joffri numru ta’ servizzi li kienu jingħataw biss mill-isptar.
Dan kollu filwaqt li ċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta, il-Furjana u Bormla se jkomplu jiġu mmodernizzati, fl-istess waqt li mistennija jinfetħu kliniċi ġodda. Dan se jwassal biex jiġu introdotti u estiżi numru ta’ servizzi, fosthom dak ta’ trasfużjoni tad-demm fil-livell ta’ kura primarja. Is-servizz ta’ GU Clinic fil-komunità se jibda jingħata fil-ġranet li ġejjin.