“Investiment akbar fl-innovazzjoni jista’ jgħin lil Għawdex jegħleb iċ-ċirkostanzi speċifiċi li jiffaċċjaw kawża tal-insularita doppja.” Sostniet dan il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli waqt żjara li għamlet f’Għawdex fejn iltaqgħet ma’ rappreżentanti ta’ imprendituri li għandhom pjanijiet biex fix-Xewkija Għawdex jiġi żviluppat kumpless b’investiment ta’ madwar €12-il miljun. Dan l-investiment mistenni jattira niċċa ġdida ta’ turiżmu magħruf bħala turiżmu gastromiku u għandu jkun ta’ għajnuna għar-raħħala u bdiewa li jridu jibqgħu kompetittivi fid-dinja agrikola.
Fil-kumpless Gozitano, l-MEP Miriam Dalli rat kif qed isiru prodotti tradizzjonali u artiġġjanali li jistgħu jgħinu wkoll lill-bdiewa u r-raħħala f’Għawdex isostnu l-prodott agrikolu Għawdxi. Hija faħħret is-sens ta’ innovazzjoni li imprendituri f’Għawdex qed jużaw biex jinvestu f’niċċeċ ekonomiċi ġodda.
“L-isforz li imprendituri Għawdxin qed jagħmlu biex jippromwovu l-innovazzjoni f’Għawdex huwa ta’ min ifaħħru. Setturi tradizzjonali jridu jżommu lilhom infushom aġġornati u jaddataw maż-żminijiet. Il-fatt li l-proġett Gozitano f’Għawdex jinbidel f’post fejn jista’ jiġi attirat turiżmu li jippromwovi prodotti tradizzjonali Għawdxin, bħall-ikel, mhux biss jista’ jagħti spinta lit-turiżmu f’din il-gżira, iżda wkoll jgħin lill-bdiewa u r-raħħala jibqgħu kompetittivi u jkomplu jaħdmu l-art tagħhom b’mod sostenibbli,” qalet Dr Dalli.
F’laqgħa ma’ Abraham Said, wieħed mill-imprendituri li qiegħed jaħdem fuq il-proġett għall-kumpless Gozitano spjega li permezz ta’ dan il-proġett, it-turist se jkollu l-opportunità li jsegwi l-proċess ta’ kif, fost oħrajn, jinħadem l-ikel tradizzjonali Għawdxi. Ladarba jitlesta, dan il-proġett mistenni jħaddem madwar 80 persuna.
L-MEP Miriam Dalli qalet li huwa pożittiv li tara t-tkabbir ekonomiku li Għawdex qed jesperjenza. Iżda fl-istess ħin wieħed irid iżomm f’moħħu l-insularità doppja li Għawdex ibati minnha għax xorta waħda jibqa’ jkollok żgħażagħ li xorta jħossu li m’għandhomx futur fi gżirithom. “Hemm bżonn li l-politika Ewropea tieħu kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi differenti ta’ gżira bħal Ghawdex u taddotta miżuri specifiċi għal dan. Irridu nkunu innovattivi u permezz ta’ kollaborazzjoni akbar bejn il-Gvern u l-privat jinħolqu intrapriżi ġodda biex ikun hemm impjiegi ġodda għall-Għawdxin, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ,” qalet Dr Dalli.
Miriam Dalli emfasizzat li fil-Parlament Ewropew se tkompli twassal din ir-realta’ biex tara li ċ-ċirkostanzi speċifiċi t’Għawdex ikunu indirizzati kif suppost.