Pajjiżna qed jinvesti f’ċentru ta’ distribuzzjoni ieħor aktar modern. Permezz ta’ investiment ta’ €10 miljun mill-Enemalta, se jiġi mmodernizzat ċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-Imsida; tagħmir li ilu jopera għal iktar minn tletin sena.
B’dan l-investiment se jiġu installati żewġ transformers u switchgear ġodda, u b’hekk il-kapaċità ta’ dan iċ-ċentru se tiżdied b’50%. Dan l-investiment se jwassal biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku fl-Imsida u lokalitajiet oħra bħall-Birkirkara, is-Swatar, San Ġwann u Santa Venera. Dan iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni se jopera permezz tal-aktar teknoloġija avvanzata. L-investiment se jtejjeb il-manutenzjoni u jirriżulta f’rispons aktar mgħaġġel u effettiv f’każ ta’ emerġenza. B’hekk, in-negozji u familji fil-madwar ser jibbenefikaw minn provvista ta’ elettriku aktar affidabbli u stabbli.
“L-ambizzjoni tagħna hija li nkomplu nimmodernizzaw is-sistema tal-elettriku f’pajjiżna u nagħmluha aktar reżiljenti. Dan l-investiment huwa pass kuraġġuż u konkret biex niżguraw provvista ta’ enerġija aktar stabbli u sostenibbli għal kulħadd. Irridu naraw lil pajjiżna jiżviluppa u jsir mudell ta’ effiċjenza u innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija,” qalet il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli waqt żjara fuq il-proġett flimkien maċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta l-Inġ. Ryan Fava.
Dan il-proġett huwa parti minn pjan mifrux fuq sitt snin, immexxi mill-Enemalta, biex issaħħaħ l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-gżejjer Maltin. L-għan huwa li l-enerġija, mill-ġenerazzjoni tagħha sal-użu fi djar u negozji, tasal b’mod aktar effiċjenti u fil-ħin.
Matul din is-sena wkoll, se jibda x-xogħol fuq żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u s-Siġġiewi. L-Inġ. Fava qal li xogħol simili ġie mwettaq b’suċċess fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tal-Imrieħel, Marsaskala u Ħal Tarxien. Huwa żied jgħid li l-pjan ta’ espansjoni jinkludi wkoll iż-żieda ta’ diversi substations ġodda kull sena u l-immodernizzar ta’ dawk eżistenti, sabiex il-provvista tal-enerġija tkun dejjem iktar f’waqtha u ta’ kwalità għolja.