F’Għawdex ser jiġu riġenerati żewġ dry standing areas li jinsabu fil-Port tal-Imġarr u fil-bajja tax-Xlendi b’investiment ta’ aktar minn €1m.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dawn iż-żewġ proġetti ġodda minn fondi Ewropej qed ikomplu juru l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex li b’mod ħolistiku qed jindirizza l-bżonnijiet tal-gżira Għawdxija.
Il-faċilitajiet il-ġodda għas-sajjieda fix-Xlendi u l-Imġarr mhux biss ser iservu biex jiġu riġenerati s-siti rispettivi, imma wkoll biex joffru faċilitajiet ġodda għas-sajjieda tagħna, u dawn ser jinkludu winċ ġdid, sistema ta’ distribuzzjoni ġdida tad-dawl u l-ilma, kif ukoll sistema ta’ CCTV cameras.
Fir-rigward tax-Xlendi, il-Ministru Justyne Caruana qalet li dan il-pass kien wiħed naturali wara li fis-sajf li għadda ġie rranġat il-moll fl-istess bajja peress li dan kien fi stat ħażin, u fakkret kif bħalissa, fix-Xlendi għaddej proġett ieħor li minnu ser jibbenefikaw is-sajjieda tal-lokal – dak tar-riġenerazzjoni tal-boathouses li jinsabu fi Pjazza Anfori li huma xogħlijiet li jiffurmaw parti mill-masterplan għal din iż-żona.
Dwar l-Imġarr, il-Ministru qalet li dan ukoll mhux intervent iżolat għax flimkien ma’dawn il-faċilitajiet il-ġodda hemm ukoll il-proġett tar-riorganzzizazzjoni tal-Port tal-Imġarr kif imwiegħed fil-manifest elettorali.
Filwaqt li rringrazzjat lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farruġia, il-Ministru għal Għawdex qalet li dan il-gvern verament jimpurtah mis-settur tas-sajd fil-gżira Għawdxija u fakkret f’numru ta’ inizjattivi u għajnuniet li minn żmien għal żmien jiġu mnedija mill-Minsteru immexxi minnha.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li dan hu żmien interessanti għal pajjiżna fejn qed nittrasformaw l-infrastruttura għall-ħtigijiet ta’ għada. Dan il-proġett, b’investiment ta’ iktar minn €1m mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, ser jipprovdi infrastruttura ġdida u ambjent tax-xogħol aħjar u iktar sigur għas-sajjieda Għawdxin li jgħinhom ikomplu jinvestu fl-operat tagħhom, u fil-proċess ikomplu jtejbu l-prodott tagħhom.
“Wara kull sajjied hemm l-għajxien ta’ familja, u nħares ‘il quddiem biex inkomplu ninvestu fis-sajjieda, fl- infrastruttura u fil-gżira Għawdxija”, qal is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia.