Qed isir xogħol ta’ mmodernizzar fi kliniċi fl-Isptar San Luqa, li se jkun qed iwassal għal żieda fis-servizzi tas-saħħa mentali lil hinn mill-Isptar Monte Karmeli.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, fejn spjega kif in-nies huma konxji minn ħtieġa ta’ saħħa mentali b’saħħitha u kien għalhekk li l-Gvern għaraf il-bżonn ta’ aktar servizzi.
Qal, “Qed naraw li aktar ma n-nies huma konxji minn ħtieġa ta’ saħħa mentali b’saħħitha, aktar qed ikollna ħtieġa ta’ servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali. Għalhekk parti mill-istrateġija tagħna, mill-pjan tagħna, huma li noħorġu kemm jista’ jkun servizzi tas-saħħa mentali minn Monte Karmeli.”
Spjega kif parti mis-servizzi b’rabta mas-saħħa mentali se jkunu qed jingħataw fl-Isptar San Luqa fejn se jkun hemm żona ta’ outpatients u żieda ta’ servizzi mmirati għaż-żgħażagħ u l-adolexxenti.
Qal, “Parti mis-servizzi se jkunu qed jingħataw li hemm f’San Luqa, hekk kif din tinsab lura f’idejn il-Gvern u qed nagħmlu l-immodernizzar ta’ dawn il-kliniċi biex b’hekk ikollna outpatients f’din il-binja u wkoll inkunu qed inżidu servizzi li noffru liż-żgħażagħ u adolexxenti li jkollhom bżonn servizzi tas-saħħa mentali tagħhom.”
Persuni li jħossu li huma fil-bżonn b’rabta ma’ problemi tas-saħħa mentali jistgħu jagħmlu użu mill-helpline tal-Gvern 1579, li hi miftuħa 24 siegħa kuljum u tinvolvi diversi professjonisti billi jċemplu fuq 1579.