Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ grupp ta’ ċiklisti Maltin li jiffurmaw parti mill-Fondazzjoni Alive Charity, li taħdem biex tiġbor fondi għal riċerka dwar il-kanċer bi sfidi li jinvolvu r-roti.
Fl-isfida li jmiss, li se tibda fil-25 ta’ Lulju minn Barċellona, 35 ċiklist se jaqdfu mal-1,300 kilometru f’sebat ijiem, biex jiġbru donazzjonijiet għal dan il-għan.
Il-Prim Ministru faħħar din l-inizjattiva u qal li din l-isfida hija simbolu tad-determinazzjoni, rieda u kuraġġ ta’ dawk li xi darba jew oħra, missew mal-marda tal-kanċer.
Saħaq li l-Gvern jibqa’ kommess li jinvesti fil-qasam tar-riċerka dwar il-marda, tant li l-Pjan dwar il-Kanċer sas-sena 2030, jiffoka ħafna fuq ir-riċerka u l-prevenzjoni.
Il-mira tal-Alive Charity Foundation hija li jinġabru 300,000 ewro, biex fl-10 sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni, ikunu ġabru total ta’ miljun ewro,
Mal-Prim Ministru, rappreżentanti tal-Fondazzjoni tkellmu dwar it-tħejjijiet għal din l-isfida, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mat-tfassil tar-rotta, il-loġistika, kif ukoll it-taħriġ fiżiku taċ-ċiklisti.
Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jżur is-sit www.alivecharity.com.