“Biex nibqgħu kompettitivi hemm bżonn ta’ aktar investiment finanzjarju fir-riċerka, żvillupp u innovazzjoni”. Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet dan waqt żjara li għamlet fil-kumpanija Abertax Technologies Limited.
Il-kumpanija Abertax Technologies Limited hija kumpanija li timmanifattura aċċessorji għal batteriji sabiex jiġu esportati barra minn xtutna u jintużaw f’vetturi elettriċi jew bħala storage, bir-riċerka u l-innovazzjoni hija parti integrali mill-ħidma ta’ din il-kumpanija.
Dalli spjegat li l-ewwel pass biex dan l-investiment isir f’pajjiżna huwa billi pajjiżna jagħraf l-importanza li r-riċerka, innovazzjoni u żvillup għandhom fl-iżvilluppi ekonomiċi. Dalli rrikonoxxiet li kien hemm titjieb fil-budget allokat għar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna. Madanakollu, qalet Dalli, l-investiment f’dan is-settur jammonta għall-inqas minn 1% tal-Prodott Gross Domestiku ta’ pajjiżna.
“Huwa importanti li l-Gvern u l-entitajiet konċernati jinċentivaw dan is-settur b’għajnuna u skemi finanzjarji imma anke billi jassiguraw li jkun hemm l-infrastruttura neċessarja li tħeġġeġ aktar kollaborazzjoni bejn in-negozju u r-riċerkaturi”, qalet Dalli.
B’referenza għall-industrija tal-batteriji, inkluż dawk għal vetturi elettriċi, Dalli spjegat kif din l-industrija qiegħda kull ma jmur ikollha rwol aktar importanti, b’mod speċjali minħabba l-liġijiet Ewropej mmirati biex jonqsu l-emmissjonijiet CO2 tal-vetturi, leġislazzjoni li Dalli qed tmexxi bħalissa fil-Parlament Ewropew.
Dalli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li f’pajjiżna għandna kumpanija li f’din l-industrija qed tkun minn ta’ quddiem fejn jidħol riċerka u żvillup u qed tpoġġi isem pajjiżna fuq quddiem nett ta’ industrija li normalment ma nidentifikawx lil pajjiżna magħha. “Huwa għalhekk li rridu naċċertaw ruħna li pajjiżna jibqa’ jinvesti aktar fir-riċerka u l-iżvillup sabiex joffri għajnuna lill-industriji importanti, inkluż dik tal-batteriji,” temmet tgħid Dalli.
Min-naħa tiegħu s-CEO tal-kumpanija l-Prof Dr Joseph Cilia spjega kif ir-riċerka u l-innovazzjoni f’din l-industrija qed twassal għall-avvanzi bżonnjużi fit-teknoloġija li jgħinu sabiex ikollna batteriji aktar effiċjenti, inkluż dawk li jintużaw f’vetturi u dgħajjes elettriċi kif ukoll dawk li jservu bħala storage.
Waqt din iż-żjara l-MPE Dalli iltaqgħet ma’ rappreżentanti tal-kumpanija Abertax; s-CEO tal-kumpanija Prof Dr Joseph Cilia, d-Deputat CEO Malcolm Tabone, il-General Manager Ing. George Schembri u l-Manager tal-Impjant s-Sur Pierre Hili.