Il-budget għas-sena d-dieħla huwa sensittiv għall-bżonnijiet tal-Għawdxin, speċjalment għal dawk il-pazjenti li jridu jaqsmu l-fliegu.
Mill-bidu tas-sena d-dieħla, kull pazjent li jieħu trattament jew ikollu bżonn jagħmel intervent fl-isptar f’Malta jew dak f’Għawdex u b’hekk ikollu jaqsam iż-żewġ gżejjer mhux biss se jieħu rifużjoni tal-biljett tal-vapur tal-pazjent u l-adult li jakkumpanjah, iżda se jgawdi minn għotja addizzjonali. Din l-għotja mistennija tkompli itaffi l-piż tal-akkomodazzjoni meħtieġa f’Malta u f’Għawdex.
Għall-ewwel darba l-ħaddiema kollha Għawdxin li jiġu jaħdmu f’Malta se jgawdu minn rifużjoni tal-biljett tal-vapur. B’din il-miżura hu stmat li se jintlaqtu madwar 3,000 Għawdxi, għal kontra ta’ dak li kien jiġri qabel meta kienu jgawdu biss l-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu mal-Gvern.
Biex jinċentiva aktar it-trasport kollettiv għall-impjegati Għawdxin li jaħdmu mal-Gvern, se jingħataw kumpens ta’ €1.50 kuljum. Dan filwaqt li se jingħata kreditu ta’ taxxa lill-kumpaniji privati li jorganizzaw dan it-trasport kollettiv.
Il-Gvern se jestendi wkoll is-sussidju taħt l-iskema akkomodazzjoni soċjali għall-istudenti Għawdxin li jidħlu fi spejjeż oħra biex jiġu jistudjaw u jikru post f’Malta.
Konxju li minħabba d-distanzi twal minn u lura mix-xogħol, il-ġenituri Għawdxin xi drabi jintalbu jħallsu ħlas addizzjonali għaċ-childcare offrut barra s-sigħat koperti b’xejn, il-Gvern se jagħti s-serħan tal-moħħ lil dawn il-ġenituri billi jagħtihom allokazzjoni finanzjarja biex ikopru s-sigħat żejda.
L-iskema ta’ rifużjoni ta’ 30% tal-paga medja għal kull impjieg ġdid maħluq fis-settur privat f’Għawdex se tiġi estiża wkoll. Dan filwaqt li se jitkomplew proġetti kapitali fil-gżira tat-tliet għoljiet fosthom, id-dar tal-anzjani fil-Qala u l-proġett ta’ San Franġisk.
Il-housing soċjali wkoll jolqot lil Għawdex u hawnhekk se jsir investiment permezz ta’ blokka t’appartamenti ġodda u moderni f’taċ-Ċawsli r-Rabat, Għawdex.
Il-budget 2019 ħaseb ukoll li jibda l-proġett taċ-ċentru akwatiku f’Għawdex, bil-għan li dan il-proġett ma jaqdix il-funzjonijiet sportivi biss iżda anki jintuża għal skopijiet terapewtiċi u għat-turiżmu sportiv.