Il-bdiewa f’Malta se jibbenefikaw minn programm ta’ fondi Ewropej apposta għalihom biex jinvestu f’teknoloġiji aktar effiċjenti, li jagħtu wkoll prodott lokali aktar bnin u ta’ kwalità.
Il-programm se jolqot mija u tmenin bidwi madwar il-Gżejjer Maltin, b’wieħed minnhom diġà uża l-mija u tletin elf ewro li ngħata għal serra għall-frawli, mgħammra bl-aqwa teknoloġija.
Il-Bidwi Roderick Galea spjega wkoll li appart is-serra u ġiebja ġdida biex jinġabar l-ilma tax-xita, installa wkoll sistema ta’ irrigazzjoni b’sensor apposta biex tikkalkula kemm hemm bżonn ilma għall-prodott partikolari. Dan inaqqas ukoll l-ammont ta’ fertilizzant użat.
Huwa spjega: “L-ewwel nibdew mis-serra, li għamilniha biex inħallu l-frawli fis-serra u niffrankaw mill-plastik, u l-prodott jikber ħafna aktar ġewwa u jipproduċi ħafna aktar. Il-ġiebja għamilnieha biex issaqqi bih u niffrankaw li ntellgħu l-ilma mill-borehole. Huwa ilma ħafna itjeb.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li proġetti bħal dawn isaħħu l-mira tal-gvern li jinvesti fl-industriji li għandhom bżonn appoġġ finanzjarju biex ikomplu joperaw, fl-istess ħin li jadottaw mezzi moderni u sostenibbli ta’ kif jaħdmu.
Huwa stqarr: “Dan hu mod ieħor kif inkomplu ngħinu l-qasam tal-biedja u biex inkomplu nużaw fondi tal-Unjoni Ewropea biex dan il-qasam ikompli jibbenefikaw minn dawn il-fondi.”