L-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista komplew jikbru partikolarment din il-ġimgħa fejn nhar is-Sibt se tkun qed issir l-elezzjoni għall-Kumitat Sezzjonali ta’ tas-Sliema.
Wara li fil-jum tat-Tnejn, ONE News xandar storja ta’ kif qed isir block vote, fi kliem ieħor mod kif it-tesserati jiġu mħeġġa jivvutaw biss għall-membri tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li jinsabu wara Bernard Grech u ma jivvutawx lil dawk li jappartjenu mal-fazzjoni Delia, fl-aħħar sigħat ġew żvelati iżjed messaġġi mimlija firda fil-Partit Nazzjonalista.
Wara dawn il-messaġġi hemm il-kunsillier Nazzjonalista Slimiż Kevin Wain.
F’messaġġ privat li ħareġ, Kevin Wain isemmi tliet ismijiet li hu qal li huma tal-fazzjoni Adrian Delia u se joħorġu għall-elezzjoni tal-Kumitat Sezzjonali ta’ tas-Sliema biex iqarftu ‘l barra dawk il-membri favur Bernard Grech.
Qal li dawn għadhom isejħu lil Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bi kliem ċar qal li qed isir block vote għal seba’ membri tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
ONE News ikkuntatja lil Kevin Wain innifsu.
F’telefonata li Wain kien mgħarraf li qed jiġi rekordjat, Wain ċaħad li bagħat messaġġi biex jitkeċċew in-nies ta’ Delia, dan anki jekk fil-messaġġ li bagħat hemm miktub ċar li qed jappella għall-block vote favur in-nies ta’ Bernard Grech.
Kevin Wain imbagħad ħabat jiddejjaq insaqsuh u ma riedx jikkummenta iżjed.
Intant Lina Wain, il-mara tal-Professur Kenneth Wain li kien inħatar bħala Kummissarju għall-Għaqdiet mhux governattivi fi żmien Gvern Nazzjonalistaukoll ħeġġet għal block vote f’tas-Sliema.
Dawn il-messaġġi komplew ħerġin wara li f’kitba fuq facebook, li wara tħassret biex il-partit jgħatti u jaħbi l-firdiet li għad hemm, sar appell biex it-tesserati jagħżlu membri fil-kumitat sezzjonali, li għenu biex Bernard Grech sar Kap.
Dwar dawn l-intriċċi staqsejna lil Kap Bernard Grech li iżda ħarab u ma riedx iwieġeb fuq dawn l-aħħar firdiet fil-Partit Nazzjonalista.