Il-problemi fost il-kandidati Nazzjonalisti huma ferm iktar fondi, b’kandidati wkoll mhux jitħallew joħorġu fuq id-distretti li jridu huma.
Sigħat wara konfużjoni sħiħa dwar l-għażla tad-distretti li fihom ser jikkontesta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, fuq in-NET Ivan Bartolo kkonferma li kien għadu ma jafx hux se jitħalla joħroġ fuq distrett ieħor.
Tenna, “Jiena se nikkontesta fuq id-disa’ distrett hemm ċans li nikkontesta ieħor, għandi diskussjoni wara din il-laqgħa, pero ngħidlek il-verità għadni ma nafx għax għad iridu jkellmuni.”
Bartolo, li ftit tal-ġimgħat ilu ħareġ id-diżappunt tiegħu wara li pretenda li jieħu s-siġġu ta’ David Thake, imbagħad kellu jikkuntenta bil-kontestazzjoni tad-disa’ distrett.
Huwa qal, “Jiena qed iniedi dan permezz ta’ messaġġ li l-kampanja tiegħi. Jien se nkun qed nikkontesta fuq id-disa’ distrett u jiena kburi ħafna li jien parti minn dan il-partit.”
Bartolo, serva ta’ Deputat Nazzjonalista għal ftit xhur fis-sena 2020. Huwa kien ġie elett f’elezzjoni każwali f’Marzu ta’ dik is-sena, meta rriżenjat mis-siġġu tagħha Marthese Portelli, mid-disa’ distrett elettorali iżda ftit tax-xhur wara huwa ċeda s-siġġu għal Bernard Grech.
U meta mbagħad ġie vakat is-siġġu ta’ Thake, ħadha bi kbira li Bernard Grech insih.