Il-Partit Nazzjonalista jinsab fi stat sħiħ ta’ konfużjoni rigward il-Każin tal-Ħamrun. Dan deher biċ-ċar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-istess Partit l-Erbgħa waranofsinhar hekk kif ONE News proprju staqsa jekk dan il-każin hux se jerġa’ jinfetaħ xi darba.
Fil-fatt staqsejna dan lil Paula Mifsud Bonnici, li tikkontesta fuq l-Ewwel Distrett li jinkorpora fih il-lokalità tal-Ħamrun. Iżda Mifsud Bonnici farfret il-mistoqsija fuq l-amministrazzjoni tal-Partit.
Qalet, “Jiena m’iniex qiegħda fl-amministrazzjoni – hu l-Kunsill Amministrattiv li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-każini ġewwa Malta.”
ONE News staqsa dan hekk kif kien ġie żvelat ftit jiem ilu li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għad ma jafx x’deċiżjoni se jieħu dwar il-każin tal-Ħamrun, li dwaru reġa’ qam ġlied kbir fil-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li l-Viċi Kap Alex Perici Calascione insista li l-każin jerġa’ jiftaħ mill-istess nies li ma ħallewx lill-Kap jidħol fil-festa ta’ San Gejtanu f’Awwissu li għadda u minħabba f’hekk wieħed minn ta’ Grech spiċċa jaqla’ xebgħa u kellu jiġi operat għall-ġrieħi li sofra.
Dwan dan ukoll infetaħ każ fil-Qorti.
Kienet il-gazzetta KullĦadd li żvelat dan l-iżvilupp ġdid b’rabta mas-saga tal-istess każin hekk kif reġa’ qam ġlied kbir fuq il-kwistjoni tal-każin tal-Ħamrun li ngħalaq fis-sajf li għadda wara l-episodju umiljanti għall-Kap Bernard Grech.
Il-barman tal-każin, Manuel Attard, hu ferm qrib tal-eks Kap Adrian Delia u Mario De Marco, fil-fatt kanvażer ta’ dan tal-aħħar. Il-fazzjonijiet tat-tnejn komplew bil-pressjonijiet biex il-każin jerġa’ jiftaħ mill-istess barman jew qraba tiegħu.
Sigħat wara li ġiet żvelata din l-istorja, fuq ix-Xandir, Bernard Grech ikkonferma li lanqas deċiżjoni fuq każin tal-partit tiegħu stess mhu kapaċi jieħu.
Qal, “Il-Ħamrun, għalaqt il-każin għal numru ta’ xhur. Fil-mument opportun naraw x’deċiżjoni nieħu ’l quddiem.”
Id-diskussjoni fid-Dar Ċentrali spiċċat iddur fuq dan il-każ u qam furur kbir fuqu, fi żmien meta l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista suppost qed iwieġeb għall-Baġit.
Dawk qrib ir-raġel li ġie ferut bix-xebgħa minn Nazzjonalisti stess, Noel Mifsud Bonnici, qed jgħidu li hu inaċċettabbli li l-każin jerġa’ jiftaħ. Il-vittma tal-aggressjoni wkoll inzerta kuġin ta’ Paula Mifsud Bonnici.