Sidien ta’ garaxx sa tletin metru kwadru u se jixtru l-ewwel propjetà tagħhom se jkunu eżentati mit-Taxxa tal-Boll grazzi għal emenda fil-liġi.
L-emenda kienet parti mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika li l-Gvern ħabbar sena ilu, u anke issa, dawk li se jixtru l-ewwel dar tagħhom se jkunu eliġibbli għall-iskema tal-First Time Buyers anke jekk huma sidien ta’ garaxx ta’ mhux iktar minn tletin metru kwadru.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li din hija wegħda oħra tal-Gvern maħsuba sabiex tkompli tgħin koppji u individwi li qegħdin jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.
Żied jispjega wkoll li l-aħħar seba’ snin, mal-ħamsa u għoxrin elf persuna bbenefikaw mill-iskema tal-First Time Buyers, u elf minn dik tas-Second Time Buyers. B’hekk s’issa issa, din l-iskema ħalliet madwar €75 miljun fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.