140 immigrant li kienu fuq il-bastiment tal-Open Arms ġew trasferiti fuq bastiment ieħor li qiegħed sorġut fil-port ta’ Palermo u li qed iservi biex iżomm fuqu kwarantina l-immigranti qabel dawn jinżlu l-art fi Sqallija.
Fuq dan il-bastiment għall-kwarantina bl-isem ta’ ‘Allegra’ diġà hemm 123 immigrant ieħor li fl-aħħar jiem qabżu l-baħar.
L-immigranti ġejjin mill-Eġittu, il-Ghana, l-Mali u l-Burkina Faso fost oħrajn.
Din il-ġimgħa, l-għaqda mhux governattiva Spanjola Open Arms bdiet titlob lil Malta biex taċċetta li jiġu żbarkati l-immigranti li hemm abbord il-bastiment tagħha f’pajjiżna iżda l-Gvern Malti rrifjuta li jagħmel dan.
Il-Gvern Malti żamm mal-pożizzjoni soda tiegħu u l-immigranti abbord l-Open Arms daħlu fi Sqallija.
Dik l-aħħar azzjoni b’saħħitha ta’ Malta segwiet oħra ta’ bħal-lum ġimgħa meta immigranti li kienu fuq tanker Daniż Etienne Maersk kienu kostretti li jiddaħħlu f’Pozzallo, fi Sqallija.
Għall-ġimgħat sħaħ kien hemm pressjoni kbira fuq Malta biex iddaħħal l-immigranti iżda l-Prim Ministru Robert Abela kien saħaq li ma jdaħħalx dawn l-immigranti li marru abbord bastiment Daniż wara li kienu f’żona ta’ tiftix u salvataġġ tat-Tuneżija.