Ġie ppubblikat ir-rapport nazzjonali għall-2023 dwar issitwazzjoni tad-droga u r-rispons għaliha f’Malta.
Dan ir-rapport, li jsir kull sena biex jagħti stampa ċara dwar il-konsum tad-droga f’pajjiżna, jixħet dawl fuq xejriet differenti, fejn fost l-oħrajn jirriżulta li aktar persuni qed ifittxu l-għajnuna biex jegħlbu l-vizzju tad-droga kokaina.
Dawk li qed jitolbu l-għajnuna baqgħu jiżdiedu, l-istess xejra osservata matul is-sena ta’ qabel. Din tista’ tkun indikazzjoni pożittiva, hekk kif aktar persuni qed jagħżlu li jiġġieldu l-vizzju milli jibqgħu passivi u ma jagħmlu xejn.
’Il fuq minn 2,300 persuna marru għal tali trattamenti fl-2023, bil-maġġoranza jkunu minħabba problema ta’ dipendenza mill-eroina, segwita mill-kokaina.
Nies li fittxu l-għajnuna għat-trattamenti għall-kokaina ammontaw għal 41% tal-każi kollha, bi 68% ta’ dawk b’din il-problema fittxew l-għajnuna aktar minn darba.
Mad-90% ta’ dawk li qed jieħdu l-għajnuna huma Maltin.

Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, li rringrazzja wkoll is-sehem tas-Sedqa, il-Caritas u l-OASI għax-xogħol strumentali tagħhom fil-qasam tar-rijabilitazzjoni.
“Nemmen li x-xogħol qiegħed isir, imma rridu naħdmu aktar u forsi nibdew aktar nenfasizzaw il-prevenzjoni u dik li hi l-edukazzjoni flimkien mar-rijabilitazzjoni.”
Il-Ministru Micael Falzon

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Punt Fokali tad-Droga f’Malta, Dr Manuel Gellel, stqarr li, matul l-2023, kien hemm qabdiet ta’ 493 kilo kokaina u 154 kilogramma ta’ kannabis mill-awtoritajiet, filwaqt li appella biex min jinsab fil-vizzju, hemm servizzi li jinsabu passi biss ’il bogħod.
“Is-servizzi tagħna huma servizzi tajbin, servizzi dejjem miftuħin u li dik hi xi ħaġa pożittiva, għax aħna b’tefgħa ta’ ġebla tasal għas-servizz, għandek għażla ta’ tlieta, inkluż units speċjalizzati.”
Manuel Gellel, Kap, Punt Fokali tad-Droga
Jirriżulta li, fl-istess sena taħt osservazzjoni, kien hemm madwar 1,266 każ ta’ persuni li spiċċaw l-Emerġenza minħabba l-użu ta’ xi sustanza, imqabblin mal-1,135 fl-2022.
Il-maġġoranza kienu minħabba kumplikazzjonijiet relatati mas-sustanza li jkunu ħadu.
Sfortunatament kienu kkonfermati 18-il mewt b’rabta mad-droga, bi 13 kawża tal-kokaina u ħamsa bl-eroina. Il-maġġoranza ta’ dawn l-imwiet kienu f’etajiet t’aktar minn 40 sena.