Iktar ħut aljen qed jiffrekwenta l-ibħra territorjali Maltin, bl-aħħar skoperta tkun dik tal-ħuta Niger Hind, speċi li qatt ma dehret fl-ibħra Mediterranji, u normalment tghix fil-Lvant tal-Atlantiku u f’partijiet tal-Afrika. Immedjatament beda l-istudju fuq din l-ispeċi, kif spjegat aħjar il-Kap tal-grupp għall-konservazzjoni biloġika u tar-riċerka fl-Universita ta’ Malta, Adriana Vella.
“Din il-ħuta hija mhux biss ġdida għal Malta iżda anke għall-Mediterran kollu. Bħala grupp ta’ konservazzjoni, ilna naħdmu f’dan il-qasam u s’issa skoprejna sitt ħut aljeni ġodda bl-ibħra tagħna”.
Il-karaterristiċi morfoloġiċi u ġenetiċi tal-ħut studjat huma elementi kruċjali fl-istudju ta’ dan il-ħut aljen li qed jersaq lejn il-kosta Maltija. L-istudju fuq dan il-ħut huwa possibli permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-entitajiet marritimi bħas-sajjieda, l-għaddasa, Transport Malta u l-Forzi Armati ta’ Malta li lkoll jilgħabu rwol matul din ir-riċerka ta’ konservazzjoni.
Il-grupp tar-riċerka f’Malta fl-aħħar snin għamel studju fuq numru kbir ta’ ħut li qatt ma dehru fl-ibħra territorjali Maltin, fosthom il-cocoa damselfish, id-dory snapper, is-sergeant major u l-low fin chub.
“Jiġifieri dan it-tip ta’ xogħol intensiv anke fil-labs tagħna qed jgħinu biex insibu ħlejjaq ġodda u identifikazzjoni akkurata biex niskopru dawn il-ħlejjaq ġodda.”
Il-biża hija li ż-żieda ta’ dawn il-ħut aljen tista’ tkun ta’ detriment għall-komunità ekoloġika lokali, u għaldaqstant qed isir l-almu kollu biex ikun żgurat l-element ta’ konservazzjoni tal-baħar kollu inkluż ta’ dawn l-ispeċi ġodda.