Rapport ikkummissjonat fl-2014 mill-Malta Freeport Terminals Ltd dwar il-livelli ta’ ħsejjes f’Birżebbugia u l-akwati, kawżati mix-xogħol fil-Port Ħieles, juri li ġeneralment dawn huma ogħla minn dawk permessibbli mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kemm matul il-jum kif ukoll matul il-lejl.
Koppja tar-rapport tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ministru għall-Kompetittività Emanwel Mallia għal mistpqsija parlamentari ta’ Anthony Agius Decelis. L-istudju sar bejn Frar tal-2014 u Jannar tas-sena l-oħra.
Il-konsulenti għamlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex jitnaqqas l-inkonvenjent lir-residenti u skont il-Ministru Mallia, “il-miżuri qed jittieħdu on an on-going basis”.
Għal mistoqsija oħra ta’ Agius Decelis, il-Ministru qal li bejn Settembru tal-2009 u Mejju 2015 sar investiment totali ta’ €117.6 miljuni fil-Port Ħieles. Is-somma ta’ €63.5 miljun kienet f’infrastruttura u €54.1 miljun f’makkinarju.