“Ninsab sodisfatt fid-dawl tar-riżultati pożittivi ferm li pajjiżna qed ikompli jikseb. Din id-darba, Malta reġgħet naqqset il-persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew f’esklużjoni soċjali u dan kien ikkonfermat mill-istatistika tal-Eurostat”, ħabbar il-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-istatistika Ewropea.
Il-Ministru spjega kif kien esperjenzat tnaqqis ta’ 4% fil-persuni f’riskju ta’ faqar jew f’esklużjoni soċjali meta mqabbel mas-sena 2013.
Dan jammonta għal tnaqqis ta’ 14,000 persuna f’riskju ta’ faqar jew f’esklużjoni soċjali bejn l-2013 u l-2016.Il-Ministru Falzon fakkar li sal-2013, ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew f’esklużjoni soċjali kien kważi livell ma’ dak ta’ pajjiżi oħra fl-UE, filwaqt li fl-2016, Malta esperjenzat ritmu ta’ tnaqqis fil-faqar jew fl-esklużjoni soċjali ta’ 3.5% – aħjar mill-medja ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Mark Musu qal li għall-ewwel darba mill-2010 ’l hawn, il-persuni li ma setgħux isaħħnu djarhom naqsu taħt il-medja Ewropea.
Il-Ministru Michael Falzon tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jindirizza oqsma vulnerabbli fis-soċjetà u fakkar li l-miżuri kollha tal-gvern qed iwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin kollha.