Aktar minn elf tunnellata ta’ fliexken inġabru permezz tal-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb f’għaxar ġimgħat mindu daħlet fis-seħħ din l-iskema.
B’kollox, il-magni tal-BCRS ġabru mal-ħamsa u għoxrin miljun flixkun tax-xorb, b’sebgħin fil-mija minnhom kienu magħmulin mill-plastik, u ġie nnutat ukoll li numru ta’ nies qed ifittxu fliexken mormija barra.
Fi stqarrija, il-BCRS innutat li permezz ta’ din l-iskema, jekk din l-attitudni tkompli, Malta tkun fi triqitha lejn id-direzzjoni t-tajba sabiex tilħaq il-miri tal-istess skema fl-ewwel sena tagħha.
Intqal ukoll kif numru ta’ ħwienet qed jieħdu vantaġġ minn din l-iskema billi joffru li jiġbru l-fliexken tal-klijenti tagħhom huma stess. Sa issa, aktar minn mitt ħanut tal-grocer qed joffru dan is-servizz, u dawn qed jinnutaw li qed jaraw ukoll żieda fil-bejgħ tagħhom.
Dan hekk kif aktar persuni qed jagħżlu li jixtru fl-istess ħanut fejn jistgħu jagħtu l-fliexken tagħhom.
Kelliem għall-BCRS stqarr li fost il-lokalitajiet fejn qed jinġabru l-aktar fliexken, hemm San Pawl il-Baħar, Ħaż-Żabbar, Birkirkara u x-Xewkija, li jaraw medja ta’ sitt elef flixkun mormi kuljum.
Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, il-BCRS se tkun qed tintensifika l-ħidma tagħha sabiex jitbattlu l-magni tagħha aktar frekwenti.