Kważi waħda minn kull tliet karozzi li twaqqfu fi Triq il-Kosta fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet inħarġitilhom ċitazzjoni minħabba irregolaritajiet, bħala parti mill-isforzi li qed jitwettqu mill-forzi tal-ordni favur aktar dixxiplina fit-toroq tagħna.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, f’messaġġ li tella’ fuq Facebook.
Farrugia qal li, b’kollox, uffiċjali ta’ Transport Malta, bl-appoġġ tal-Pulizija, waqqfu tliet mija u għoxrin (320) vettura u nħarġu kważi mitt (100) taħrika. F’dan l-inforzar fit-toroq ukoll ġew arrestati żewġ persuni, waqt li 13-il karozza ma tħallewx jinstaqu aktar fit-triq.
Il-Ministru qal li se tibqa’ tissaħħaħ l-preżenza tal-uffiċjali ta’ Transport Malta u se tibqa’ għaddejja l-ħidma biex tiżdied is-sigurtà fit-toroq u jonqos l-abbuż għall-ġid tas-soċjetà kollha tagħna.