Fil-Jum Dinji t’Għarfien dwar l-Obeżità, il-Gvern ħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet numru ta’ inizjattivi li pajjiżna qed jieħu biex jindirizza l-obeżità.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcom Paul Agius Galea, spjegaw li eluf ibatu minn piż żejjed f’pajjiżna.
Fl-istess konferenza, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, saħqet li l-obeżità hi sfida globali tas-saħħa li taffettwa miljuni ta’ nies u semmiet kif Malta għandna ċifri għolja ta’ piż żejjed u obeżità.
Issemma kif il-Gvern diġà qed joffri numru ta’ servizzi biex jgħin persuni li jbatu mill-obeżità, filwaqt li għaddejja ħidma wkoll biex tiġi mnedija strateġija nazzjonali biex tindirizza din l-isfida.
Il-Ministru Abela qal kif, permezz ta’ dan il-jum dinji, qed ikompli jiżdied l-għarfien dwar l-obeżità u enfasizza fuq l-importanza tal-prevenzjoni.
Qal, “Wieħed minn kull erba’ Maltin u Għawdxin isofru minn din il-kundizzjoni li twassal għal aktar mard serju, bħall-pressjoni għolja, mard tal-qalb, problemi bil-ġogi, u aktar riskju għal diversi cancers. Aħna kommessi li, b’mod ħolistiku u b’investiment serju, nipprovaw kemm jista’ jkun intaffu din il-marda.”
Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea semma kif l-obeżità tolqot ukoll lill-anzjani fejn taffettwa numru ta’ kundizzjonijiet li jimpattaw is-saħħa tagħhom.