L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, qed tfakkar f’linji gwida li wieħed għandu jsegwi sabiex iħares l-ambjent u b’hekk dan ikun jista’ jitgawda bis-sħiħ kemm illum kif ukoll mill-ġenerazzjonijiet li jmiss.
Fil-linji gwida hemm, kif mistenni, li wieħed m’għandux jarmi skart barra iżda mhux biss. Wieħed isib ukoll linji gwida dwar l-istorbju li jiġi kkawżat minn gruppi ta’ nies, storbju li għandu jkun limitat għal ħamsa u sittin deċibel f’siti tan-Natura 2000. In-Natura 2000 hija netwerk ta’ żoni protetti madwar l-Unjoni Ewropea, bil-għan li jitħarsu l-ambjenti naturali u speċijiet ta’ fawna u flora selvaġġi.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Jonathan Henwood, uffiċjal mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, sjega aktar dwar x’jirrigwardjaw dawn il-linji gwida.
Qal, “Bħalissa l-era kkjarifikat ċerti regoli li hemm dwar attivitajiet u xogħlijiet ġodda li jsiru f’natura elfejn. Regoli ġodda ma ħriġniex – kemm ġbidna l-attenzjoni ta’ kunsilli u diversi entitajiet għall-kundizzjoni ta’ prattika tajba. Ma jirrigwardawx dwar ħoss biss imma anke dwar skart. Kemm ġbidna l-attenzjoni tal-pubbliku li jgawdi siti ta’ natura elfejn għall-pjaċir jew xogħol. Dawn punti ta’ prattika biex jgħinu jżommu dawn iż-żoni li huma protetti, jibqgħu kemm jista’ jkun fl-istat naturali tagħhom.”
Is-Sur Henwood qal li l-ERA tirregola wkoll il-livell ta’ ħsejjes f’ċerti żoni sabiex jitħarsu għasafar protetti.
Qal, “Meta jiġi għall-ħoss, jiddependi fuq il-madwar, jekk f’każ hemmx għasafar jew annimali protetti. Issa jekk hemm ċerti għasafar li huma protetti jew jittajru bil-lejl; hemmhekk inħarsu lejn livelli partikolari mhux biss tal-ħoss iżda anke tad-dawl hekk kif l-ispeċi huma sensittivi għal dawn il-fatturi, speċjalment meta jkunu qed ibejtu.”
Sostna li, permezz ta’ dawn il-linji gwida, il-proċess qed jiġi ssimplifikat. F’każ ta’ xi attività tal-massa, jiġifieri meta jkunu se jiltaqgħu aktar minn 25 persuna, wieħed irid jinnotifika u jikseb il-kunsens mill-ERA.
Qal, “Permezz tal-linji gwida pprovajna nissimplifikaw u niċċaraw eżatt il-proċedura x’inhi, bir-regoli eżistenti jitolbu li jkun hemm notifika lill-awtorità. Dawn huma regoli li kulħadd jista’ jsegwi iżda meta jkunu attivitajiet kbar, dawn irid ikun hemm notifika u kunsens lill-era u, f’ċerti każijiet, nidħlu fid-dettall permezz ta’ permess ambjentali.”