Ftehim ġdid tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità se jara numru ta’ ħaddiema soċjali u professjonisti oħra jissieħbu mas-Social Work Unit tal-Anzjanità Attiva. Dan twaqqaf bil-għan li tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li baqgħu jgħixu fil-komunità, u tippromwovi wkoll l-indipendenza, l-awtonomija u d-dinjità tagħhom.
Dawn il-ħaddiema soċjali se jaħdmu mill-qrib ukoll mal-isptarijiet, pulizija, gruppi reliġjużi, kunsilli lokali u professjonisti oħra tal-Fondazzjoni. Fl-istess ħin, is-Social Work Unit tittratta mal-150 każ fix-xahar. Fl-2020 kollha rċeviet total ta’ 1,587 każ, u sal-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena daħlu 1,042 każ.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li dawn il-ħaddiema jimmotivaw u joffru kuraġġ lill-anzjani biex jiffaċċjaw problemi soċjali tagħhom filwaqt li jkomplu jgħixu ħajja attiva u indipendenti.
Huwa qal, “Id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jkollha 150 talba għal ħaddiema biex jagħmlu assessjar tal-anzjani li qed jgħixu fil-komunità. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim se nkomplu nimxu ‘l quddiem biex is-servizz ikompli għall-ġid tal-anzjani.”
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon qal li dan huwa eżempju ħaj ta’ kif dan il-Gvern jaħdem id f’id għall-ġid ta’ min ikun fil-bżonn. Il-Ministru Falzon saħaq fuq l-importanza tal-kura ħolistika li tingħata lill-anzjani anke permezz tas-servizzi offruti mis-social workers.
Huwa tenna: “Hawnhekk qed naraw koperazzjoni sħiħa bejn dak li hu d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-qasam soċjali. Dawn imorru id f’id. Fejn jidħol il-qasam soċjali din l-Amministrazzjoni dejjem ħadmet u hekk se nkomplu nagħmlu.”