210 impjegati tal-kumpanija General Soft Drinks irreġistraw lilhom infushom bħala donaturi tal-organi f’kampanja li saret bejn il-management tal-kumpanija u l-Ministeru għas-Saħħa biex jiżdied l-għarfien dwar id-donazzjoni tal-organi. Dan ħareġ waqt żjara li għamel id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fejn segwa mill-qrib l-operat tal-kumpanija.
Fi tmiem iż-żjara tiegħu d-Deputat Prim Ministru ġie ppreżentat bil-formoli ta’ reġistrazzjoni li nġabru mill-management u mill-ħaddiema. Faħħar l-inizjattiva li ħadet il-kumpanija flimkien mal-ħaddiema tal-ġest altruwistiku tagħhom biex jgħinu lil dawk il-persuni li minħabba kundizzjonijiet mediċi jkollhom bżonn xi tip ta’ trapjant filwaqt li ħeġġeġ biex aktar kumpaniji jsegwu dan l-eżempju billi jippromwovu kampanji simili fil-post tax-xogħol tagħhom.
Intant is-CEO tal-GDS Marketing Ltd, Maria Micallef qalet “Jien kburija bil-fatt li 3 minn 4 ħaddiema impjegati f’GSD huma donaturi ta ‘organi rreġistrati. Skont l-informazzjoni li rċevevjna mil-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa l-Onor. Chris Fearne, dan jammonta għal wieħed fil-mija tad-donaturi tal-organi rreġistrati kollha. Inħeġġiġkom kollha sabiex tirregistraw għal din il-kampanja nobbli u ssiru donaturi tal-organi. ”