“F’pajjiż żgħir bħal Malta rridu niżviluppaw aktar spazji ħodor li joffru spazju lill-familji, tfal u anzjani biex jistrieħu u nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.” Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet dan meta kienet qed tindirizza attività f’Birżebbuġa.
Dawn l-ispazji ħodor għandhom rwol importanti fis-saħħa tal-gżejjer u taċ-ċittadini tagħna, għax minbarra li jsebbħu l-ambjent ikunu wkoll qed joffru aktar spazji li jistgħu jtejjbu l-kwalità tal-arja tagħna.
Miriam Dalli qalet li kull żvilupp li jsir irid ikun sostenibbli u dawn l-ispazji ħodor jistgħu jipprovdu mod innovativ ta’ kif il-poplu jista’ jħares is-saħħa mentali u fiżika tiegħu. Semmiet kif jistgħu anke’ jsiru ġonna jew parks fuq bjut ta’ underground carparks jew mini.
“Wara li saħħaħna l-ekonomija ta’ pajjiżna, irridu issa naċċertaw ruħna, li filwaqt li nżommu dan ir-ritmu ekonomiku, fl-istess ħin noffru kwalità ta’ ħajja aħjar lill-Maltin u lill-Għawdxin, inkluż ambjent naturali aħjar li jista’ jgawdi minnu kulħadd,” sostniet Miriam Dalli.
Dalli faħħret il-ħidma tal-Ministeru għall-Ambjent u l-Iżvillup Sostennibli li f’din is-sena biss diġa tħawwlu 6,000 siġra iżda saħqet li jeħtieġ li l-istakeholders kollha jgħarfu aktar l-importanza li nilħqu bilanċ bejn l-iżvillup u l-ħarsien lejn l-ambjent naturali. Sostniet li pajjiżna jrid jikkunsidra l-ħolqien ta’ aktar carbon sinks (żoni ta’ siġar u ġonna li jistgħu jassorbu l-emissjonijiet tal-karbonju).
Miriam Dalli sostniet li fl-inħawi ta’ Birżebbuġa u l-madwar hemm potenzjal kbir fejn jista’ jsir żvilupp sostenibbli. “Għal żmien twil ir-residenti tal-inħawi kienu jħossu li dawn l-inħawi ġew minsijja u agħar minn hekk l-aktar żviluppi problematiċi ġew impoġġija hawnhekk. Il-proġett tal-powerstation taħdem bil-gas ta nifs ġdid lil dawn l-inħawi iżda issa rridu nkomplu naħdmu biex naċċertaw ruħna li noffru żviluppi sostenibbli li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies tal-inħawi,” qalet Miriam Dalli.
Matul din l-attività, l-MEP Miriam Dalli wieġbet għall-mistoqsijiet tal-udjenza prezenti, li varjaw minn Brexit, l-attitudni tal-MEPs tal-PN fil-Parlament Ewropew, l-ambjent, l-Unjoni Ewropeja tal-futur u l-immigrazzjoni fost l-oħrajn.