L-aħbar li partitarju Nazzjonalista spiċċa ġie aggredit, tant li kellu jiġi operat f’siequ, wara li qala’ xebgħa minn partitarji tal-istess partit meta l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma tħalliex jidħol fil-Każin tal-Partit tiegħu stess fil-Ħamrun fil-marċ ta’ San Gejtanu, kompliet tikxef firdiet kbar xprunati mill-fazzjonijiet li għal snin twal iddominaw fid-Dar Ċentrali.
Dan deher ċar fuq il-midja soċjali fl-aħħar ħinijiet, b’reazzjoni għal din l-aħbar li ġiet irrapportata esklussivament fuq ONE, it-Tnejn filgħodu.
Fil-fatt, l-aħbar ġriet fuq numru ta’ gruppi Nazzjonalisti magħluqa fuq Facebook u li ONE News għandu aċċess għalihom permezz ta’ sorsi fi ħdanhom.
Ir-reazzjonijiet għal din l-aħbar kienu ddominati biss minn ġlied bejn dawk li jissimpatizzaw mal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, u dik tal-establishment, li ħadmet kontrih biex Bernard Grech jitpoġġa fit-tmun tal-Partit.
Uħud minn dawn il-kummenti jirreferu għal sitwazzjonijiet passati fejn fakkru minn xiex kien jgħaddi l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia b’riżultat tal-manuvri malizzjużi ta’ dawk li eventwalment qaċċtuh mill-kariga.
Partitarju partikolari fakkar kif “li għamlu lil Adrian Delia f’żewġ każini issa għamluh lilu.”
Dan il-kumment ma kienx iżolat. Partitarju ieħor fakkar kif din l-istanza kienet ġrat fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Mellieħa, fejn Delia, meta kien għadu Kap, lanqas tħalla jagħmel konferenza tal-aħbarijiet. L-istess persuna fakkret kif dan ma sarx minn partitarji, iżda minn membri fil-kumitat Nazzjonalista tal-lokal u b’hekk iddeskrivitha bħala sitwazzjoni aktar gravi minn dik fil-Ħamrun.
Fil-fatt, partitarja oħra kompliet tispjega din is-sitwazzjoni, hekk kif irrimarkat li dakinhar Delia kien twaqqaf minn Emvin Bartolo.
Bartolo kien l-istess persuna li ma ħalliex lill-mibki eks Viċi Kap Nazzjonalista, Robert Arrigo, milli jitla’ fuq il-palk waqt rally tal-PN fl-aħħar kampanja elettorali.
Fil-fatt kienu bosta li semmew lill-eks Viċi Kap Arrigo, li kien maħbub u rispettat fl-arena politika u minn partitarji taż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna.
Dan hekk kif fakkru fid-diskors ta’ Arrigo fil-Konferenza Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista ftit wara l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra fejn kien semma kif lanqas biss tħalla jitla’ fis-sular ta’ fuq tal-każin Nazzjonalista ta’ Ħaż-Żabbar.
Partitarju partikolari fakkar proprju dan.
Fl-istess ħin, persuna oħra sostniet kif Grech, issa, qed iduq ftit mill-velenu u l-imrar li hu u sħabu tal-establihment, magħrufa wkoll bħala tal-“Blue Heroes”, kienu tefgħu huma stess sa bħal dan iż-żmien tliet snin ilu.