Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur ta kważi €1 miljun f’fondi lill-għaqdiet volontarji biex iwettqu 87 proġett ġdid fil-komunità, bħala parti mill-Iskema tal-Proġetti tal-Organizzazzjonijiet Volontarji (VOPS) u l-iSmall Initiative Support Scheme (SIS).
Waqt iċ-ċerimonja annwali, għaqdiet volontarji li jvarjaw minn setturi bħas-saħħa, mużika, sport, edukazzjoni, kultura u drittijiet ċivili kienu ppreżentati bl-għotjiet rispettivi tagħhom. Il-proġetti jvarjaw minn tisħiħ tal-inklużjoni għall-persuni b’diżabilità, għarfien dwar ambjent sostenibbli, u l-promozzjoni tal-arti u l-kultura fl-ibliet u l-irħula tagħna fost oħrajn.
L-għaqdiet volontarji kollha huma reġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji biex kienu eliġibbli għall-fondi.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dawn is-87 proġett fil-komunità se jfissru differenza pożittiva fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha. “Dan l-investiment ta’ ftit anqas minn miljun ewro huwa xhieda ċara tal-fiduċja kbira li l-Gvern għandu fl-għaqdiet volontarji u fil-voluntiera. Nemmnu bis-sħiħ li kull proġett ġdid li se jkun qed jimmaterjalizza se jkun qed itejjeb jew isaħħaħ xi aspett minn ħajjitna sew jekk hux ambjentali kif ukoll jekk huwa soċjali. Kommessi li nkomplu mhux biss nsaħħu lill-għaqdiet volontarji iżda naħdmu lkoll flimkien biex nibnu settur volontarju sostenibbli għal-lum u għal għada.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju Mauro Pace Parascandalo qal li filwaqt li permezz ta’ dawn il-fondi nkomplu nsostnu lis-settur talvVolontarjat, dan isir b’impenn lejn dik li hi trasparenza u kontabilità bil-fondi pubbliċi
L-għotjiet lill-għaqdiet volontarji ġew ippreżentati mill-Ministru Julia Farrugia Portelli, u Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Nancy Caruana, Dr Noel Camilleri, Chairperson tal-MCVS u Jesmond Saliba, Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.