Il-Gvern se jissokta bil-politika tiegħu li jwieżen u jsostni lil nies b’realtajiet differenti fis-soċjetà, fosthom l-anzjani. Dan se jagħmlu, fost l-oħrajn, permezz ta’ għotja għall-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità meta jkollhom 75 sena jew aktar u anki l-ħlas ta’ bonus għal dawk li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja.
Dan ħabbru l-Prim Ministru, Robert Abela, meta ltaqa’ mal-anzjani fil-komunità permezz ta’ żjarat f’żewġ ċentri għall-anzjanità attiva.
L-ewwel li żar kien iċ-ċentru tad-dimensja f’Ħal Safi, li jagħti sostenn lill-familji u jagħti l-opportunità biex persuni bid-dimensja jgħixu aktar fit-tul fil-komunità, bi kwalità ta’ ħajja aħjar. Hemmhekk, il-Prim Ministru tkellem mal-anzjani waqt li kienu qed jieħdu sehem f’attivitajiet speċifikament magħżula biex jaqblu mal-kapaċitajiet u l-preferenzi tagħhom. Iċ-ċentru huwa ddisinjat biex jilqa’ lill-anzjani f’atmosfera ta’ dar u li hija aċċessibbli għalihom.
Fis-Siġġiewi, imbagħad, il-Prim Ministru Robert Abela segwa mill-qrib attivitajiet għall-anzjani marbuta mal-kreattività artistika, l-attività fiżika, u anki l-kura u l-ħarsien tal-pjanti.
Il-Prim Ministru nnota kif l-anzjani fil-komunità jfittxu li jibqgħu attivi u jeżerċitaw l-abbiltajiet tagħhom f’oqsma differenti. Huwa semma l-politika tal-Gvern li twieżen u ssostni lil persuni differenti fis-soċjetà, fosthom anki lill-anzjani. Din tinkludi ż-żieda oħra li diġà daħlet fis-seħħ għall-pensjonanti, iżda se jseħħ aktar tisħiħ ta’ għotjiet li se jkunu qed jingħataw fil-jiem li ġejjin.
Flimkien ma’ dawn imbagħad hemm inizjattivi maħsuba apposta bħal dawk li żar il-Prim Ministru llum.
Il-Prim Ministru Robert Abela fisser dawn il-miżuri bħala parti minn deċiżjonijiet favur in-nies u li huma maħsuba biex ikomplu jmexxu ’l pajjiż ’il quddiem biex ħadd ma jaqa’ lura.
Dr Abela rringrazzja ħidmet dawk li, b’tant dedikazzjoni, jaħdmu mill-qrib mal-anzjani u jgħinuhom jgħixu f’ambjent dinjituż.
Jakkumpanja lill-Prim Ministru fiż-żewġ żjarat kien hemm il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.