Fil-Jum Dinji tal-Annimali, bosta studenti mill-iskola tas-Sależjani ta’ St Patricks kellhom l-opportunità li jitgħallmu aktar dwar l-importanza tar-rispett lejn l-annimali.
Kien bl-inizjattiva tas-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali li saret kampanja ta’ għarfien li matulha l-istudenti setgħu jsiru jafu dwar il-ħidma li ssir mal-annimali kif ukoll dwar l-importanza tal-adozzjoni u li wieħed jieħu ħsieb l-annimali.
Student li kien preżenti, Alistair Spiteri, qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu dwar kif annimal għandu bżonn aktar minn sempliċiment kenn.
Qal, “illum kienet esperjenza interessanti u sabiħa għax tgħallimna li l-annimali mhumiex oġġetti jew ġugarelli – tużahom u, daqshekk, tarmihom fit-triq. Kull annimal għandu bżonn li jħoss l-imħabba ta’ bniedem u dan permezz ta’ mħabba ġenwina.”
Il-Prinċipal tal-iskola, Fr Eric Cachia, qal li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn qed ikompli jitrawwem aktar għarfien fost it-tfal.
Qal, “Qed inkomplu nuru lit-tfal mhux biss il-bżonn tal-ħarsien tal-annimali imma anke i-sehem tagħhom dwar is-sens ċiviku li jadottaw, anke huma, l-annimali, u jikkontribwixxu għall-ħarsien tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Sajd, qalet li din l-inizjattiva kienet waħda suċċess li wasslet biex l-istudenti setgħu jifhmu l-importanza ta’ trattament xieraq għall-annimali.