Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ffirmaw sħubija strateġika biex jaħdmu flimkien permezz ta’ ĠEMMA (il-pjattaforma tal-edukazzjoni fuq il-kapaċità finanzjarja tal-Gvern), biex itejbu l-kapaċità finanzjarja tar-residenti Maltin u Għawdxin matul l-avvenimenti tal-ħajja, inkluż l-irtirar.
Fi stqarrija maħruġa għas-Solidarjetà, il-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal intqal li l-għan ta’ din is-sħubija strateġika bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u ĠEMMA hu li jiġi żgurat li n-nies ikunu infurmati aħjar fl-affarijiet li jaffettwaw il-finanzi tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba li jaqblu maċ-ċirkostanzi personali tagħhom.
Permezz tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, ĠEMMA se taħdem mal-kunsilli reġjonali u lokali biex twettaq programmi ta’ kapaċità finanzjarja li fost l-oħrajn jinkludu l-ibbaġitjar għall-protezzjoni kontra l-iscams u l-frodi. ĠEMMA se tagħmel ukoll riżorsi fosthom filmati u manwali dwar il-kapaċità finanzjarja disponibbli għall-kunsilli reġjonali u lokali sabiex ikunu aċċessibbli għall-persuni fi ħdan il-komunitajiet.
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali se tagħmel ir-riżorsi diġitali tagħha disponibbli għal ĠEMMA, inkluż il-portal tagħha You Safe, il-paġna ta’ Facebook, il-website tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali kif ukoll se tiffaċilita s-sħubija bejn ĠEMMA u r-riżorsi diġitali rispettivi tal-kunsilli reġjonali u lokali biex tgħin lil ĠEMMA tilħaq aktar residenti Maltin u Għawdxin.
Din hija l-ħdax-il sħubija strateġika li l-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal daħal għaliha f’isem ĠEMMA ma’ istituzzjonijiet u ma’ korpi oħrajn. Is-sħubijiet strateġiċi l-oħrajn jinkludu l-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-Università ta’ Malta, Bank of Valletta, MAPFRE MSV Life, General Workers’ Union, il-Fondazzjoni eSkills Malta, Mental Health Malta, il-Kamra Maltija tal-SMEs u UĦM Voice of the Workers.
Il-Ministru Michael Falzon qal li din ir-relazzjoni strateġika bejn ĠEMMA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija żvolta fir-rigward tat-tqarrib tal-għarfien u tal-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja lejn il-Maltin u Għawdxin. “Permezz ta’ din is-sħubija strateġika ĠEMMA issa tista’ tinfilsa l-edukazzjoni u l-għarfien dwar il-kapaċità finanzjarja fil-qalba tal-komunitajiet lokali”.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava enfasizza li l-Assoċjazzjoni hija kburija b’din ir-relazzjoni ma’ ĠEMMA u mal-Ministeru hekk kif se tkompli tibni fuq inizjattivi preċedenti u attwali biex tibni fi ħdan il-komunitajiet ta’ Malta u Għawdex l-għarfien tal-immaniġġjar tal-flus u l-ippjanar għall-futur u b’hekk tikkontribwixxi direttament għall-benesseri finanzjarji tar-residenti. Is-Sur Fava qal li l-ewwel inizjattivi bejn l-Assoċjazzjoni u l-kunsilli reġjonali u lokali u ĠEMMA se jitniedu fil-bidu tal-ħarifa ta’ din is-sena.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru Mark Musù, li hu responsabbli għat-tmexxija ta’ ĠEMMA, enfasizza li l-iżvilupp ta’ Malta f’pajjiż finanzjarjament kapaċi huwa għan soċjali li fih il-gvern għandu jkollu rwol ewlieni, iżda għan li gvern waħdu ma jkunx jista’ jilħaq.
Is-Sur Musù esprima ssodisfazzjon li s-sħubija ma’ msieħba strateġiċi bħall-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali mal-ministeru flimkien ma’ ĠEMMA, turi li hemm qbil dwar l-importanza ta’ approċċ magħqud lejn it-tnissil ta’ benesseri finanzjarji f’Malta.
Il-pjattaforma tal-kapaċità finanzjarja ta’ ĠEMMA tista’ taċċesaha billi tidħol www.gemma.gov.mt.