Flimkien mal-kumplament tad-dinja, għada t-12 ta’ Mejju Malta se timmarka l-Jum Internazzjonali ddedikat biex in-nies isiru jafu aktar dwar żewġ mardiet li ftit nafu fuqhom: il-Fibromajalġja u dik magħrufa bħala l-ME.
Kif spjegat Ruth Debono, il-President tal-ME, CFS u FM Alliance, ma nżul ix-xemx, bosta binjiet f’pajjiżna se jkunu qed jinxtegħlu blu jew vjola biex joħolqu aktar sensibilizzazzjoni dwar dawn iż-żewġ kundizzjonijiet li bosta jqisuhom bħala diżabilità inviżibbli.
Spjegat, “Għada, fil-fatt huwa Jum l-Għarfien tal-Fibromijalġja u l-ME u, matul il-lejl tal-lum, ikun hemm event li jissejjaħ ‘Light up the night’, illi jiġi rikonoxxut madwar id-dinja kollha. Jiġifieri jkollok pajjiżi kbar bħall-Kanada u dawn jixegħlu n-Niagara Falls. L-Amerika jixegħlu postijiet kbar illi huma rinomati u f’Malta, grazzi għall-kunsilli u l-gvern lokali, għandna apprezzament tajjab ħafna għalih dan ix-xogħol għax dejjem jgħinuna u jagħmlu l-mixegħla tagħhom fil-blu jew vjola.”
Ruth Debono qalet ukoll li, b’kollaborazzjoni ma’ Università fl-Iskozja, li għandhom dipartiment fejn isiru l-komiks, saret ħidma sabiex jinħoloq komik apposta dwar l-ME.
Qalet, “Bdiet inizjattiva biex aħna nagħmlu komik ieħor dwar l-ME, biex ikun hemm il-bilanċ anke dwar l-għarfien dwar din il-kundizzjoni. Għada se ssir is-soft launch tiegħu. Dawn il-komiks se jkunu bil-Malti u bl-Ingliż, jiġifieri għandek opporunità u firxa akbar minħabba li qiegħed b’żewġ lingwi u se jkun onlajn, u se jkun hemm ukoll miżuri fejn wieħed jikkalkula kemm-il darba tniżżel dan il-komik. Tal-Fibromijalġja kien hemm 15,000 download.”
Ruth Debono saħqet ukoll dwar l-importanza li f’pajjiżna jinħoloq aktar għarfien dwar dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, minħabba li bosta ma jifhmux it-tbatijiet u l-uġigħ li dawn iġibu magħhom.
Dan il-proġett sar bil-kollaborazzjoni tal-Malta Trust Foundation, immexxi mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.