Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis indirizzaw il-Konferenza Nazzjonali tan-Nutrizzjoni tas-sena 2018 bl-isem ta’ The Various Aspects of Modern Eating Disorders.
Il-Ministru Michael Falzon irrikonoxxa li dawn is-sitwazzjonijiet jaf iwasslu lil dik il-persuna biex isir iktar iżolata, u suxxettibbli għal stress u tensjoni. Hu spjega li f’Malta, dawn it-tip ta’ sitwazzjonijet qed jiżdiedu speċjalement f’soċjetà li fiha dejjem tiżdied il-pressjoni, speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Il-Ministru Michael Falzon appella lil dawk il-persuni li jbatu b’xi tip ta’ kundizzjoni marbuta mal-ikel, biex ifittxu l-għajnuna, filwaqt li faħħar is-servizzi kollha ta’ appoġġ li hawn Malta, u l-persuni li jaħdmu f’dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis tkellem fuq l-importanza li nieklu tajjeb u nagħmlu l-eżerċizzju fiżiku. Hu tkellem fuq l-importanza li minbarra trattament mediku, persuni b’eating disorders m’għandhomx iħossuhom emarġinati mis-soċjetà. Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jaħdem bla waqfien sabiex filwaqt li titqajjem kuxjenza fuq l-ikel bnin għas-saħħa u l-eżerċizzju, l-ebda parti mis-soċjetà ma tħossa emarġinata u għandha tkun attiva fis-soċjetà.
Din il-konferenza kienet organizzata mill-ispeċjalista tan-nutrizzjoni u eating disorders Geoffrey Axiaq.