Se tinħareġ it-tielet skema tal-Gvern biex għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jinstallaw sistemi fotovoltajċi fuq il-binijiet tagħhom bla ħlas. S’issa, anke permezz tat-tieni skema ta’ din ix-xorta li kien ħareġ il-Gvern, 22 għaqda gawdew minn investiment ta’ €95,000, u ngħataw total ta’ 24 pannella.
L-iskema tfisser ukoll li l-għaqdiet igawdu minn roħs fil-kontijiet tal-enerġija fl-istess ħin li jgħinu biex il-pajjiż igawdi minn enerġija aktar nadifa.
F’konferenza tal-aħbarijiet fejn tqassmu l-kuntratti lit-22 għaqda li bbenefikaw mit-tieni sejħa tal-iskema, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li l-Gvern qed iħares lejn il-privat u l-pubbliku biex tingħata spinta ’l quddiem għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinovabbli.
Hija stqarret: “Tant hemm interess li qed naraw li fil-ġimgħat li ġejjin se naraw li nħabbru t-tielet sejħa. Il-panemija kienet diffiċli għall-għaqdiet volontarji, u bħala gvern nemmnu li rridu nsostnuhom biex huma wkoll ikunu parteċipi fil-mixja għal enerġija aktar nadifa.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima aċċenna kif il-ġid komuni fis-soċjetà tagħna permezz ta’ din l-inizjattiva rdoppja minħabba li b’dawn l-iskemi mhux biss qed inħarsu l-ambjent, iżda wkoll qed jingħataw aktar riżorsi lill-volontarjat.
Huwa qal, “Is-settur tal-volontarjat jagħmel differenza fil-ħajja u għandu impatt fis-soċjetà. B’dawn l-iskemi qed naraw li ngħinu lil dawn l-għaqdiet. Illum ibbenefikaw 22 għaqda li se jkollhom enerġija nadifa.”