Diversi għaqdiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem ferħu lil Robert Abela għall-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qalet li qed tħares ’il quddiem li taħdem ma’ Dr Abela biex fost oħrajn ikomplu jissaħħu l-istituzzjonijiet u r-reputazzoni ta Malta.
L-Assoċjazzjoni żiedet tgħid li Malta jeħtieġ li toħroġ minn dik li sejħet kriżi politika u morali billi ssaħħaħ l-istrutturi tagħha biex tassigura governanza tajba permezz tas-sehem tal-imsieħba soċjali.
Min-naħa tagħha, il-Malta Dockers Union awgurat suċċess lil Dr Abela u awgurat li din tissarraf f’kontinwità ta’ ġid lejn l-ħaddiema u l-pajjiż.
L-union tenniet li tinsab konvinta mill-kwalitajiet u valuri sodi li jħaddan il-Prim Ministru flimkien mal-intellettwalità tiegħu. Qalet li dawn ser iservu bħala l-bażi fundamentali fil-ħidma sinċiera tiegħu.
Fi stqarrija, il-General Workers Union (GWU) esprimiet ukoll is-sodisfazzjon tagħha għall-impenn tal-Prim Ministru l-ġdid li jwettaq fil-prattika l-prinċipju ta’ ħlas indaqs lill-ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol u b’hekk titrażżan id-diskriminazzjoni.
Qalet li hija kommessa li tkompli tappoġġja lill-Gvern fit-twettiq ta’ miżuri favur il-batut u dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà.
L-Union tal-għalliema, l-MUT awgurat lill-Prim Ministru l-ġdid u tenniet li qed tistenna bi ħġarha l-pass li jmiss sabiex jitkompla x-xogħol fuq diversi oqsma flimkien mad-diversi proposti li diġà kienu qegħdin jiġu diskussi għall-ġid tal-edukaturi u l-edukazzjoni ta’ pajjiżna.
Fi stqarrija separata, il-Forum Unions Maltin qalet li qed tħares ’il quddiem sabiex dawk il-kisbiet li nkisbu għall-ħaddiema f’dawn l-aħħar snin jibqgħu fis-seħħ u qed iħares għal aktar djalogu sabiex jitkattru kisbiet ġodda. Il-For.U.M. ta ħajr ukoll lil Joseph Muscat għall-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar snin.
L-Assoċjazzjoni tal-lukandi u r-restoranti, l-MHRA tenniet li dan l-proċess demokratiku li wassal għal mexxej u Prim Ministru ġdid saħħaħna aktar minn qabel.
Qalet li permezz ta’ Dr Abela ser niksbu lura l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż u li l-Prim Ministru l-ġdid għandu jkompli jibni fuq l-fundamenti ekonomiċi u soċjali li ntirtu.