Ewro b’saħħitha teħtieġ għaqda Ekonomika u Monetarja aktar soda.
Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Dr. Alfred Sant, meta mexxa laqgħa bit-tema “Approfondiment tal-Għaqda Ekonomika u Monetarja sal-2025” organizzata mill-Forum tas-Servizzi Finanzjarji tal-Parlament Ewropew.
Dr Sant qal li l-munita ewro hija waħda mill-aktar kisbiet tanġibbli u sinifikattivi tal-Ewropa, u sostna li din għenet biex ġabet dawk il-pajjiżi membri li addottawha aktar qrib ta’ xulxin.
Il-membru parlamentari iżda qal li għalkemm illum l-ekonomija Ewropea reġgħet qed tikber u l-qgħad qiegħed fl-iktar rata baxxa fl-aħħar tmien snin “l-ewro ma għandhiex bżonn biss gwardjani li jipproteġuha. Teħtieġ ukoll bennejja u arkitetti biex biż-żmien tkompli tinbena.”
Dr. Sant kompla billi elenka dawk li skontu huma l-probmei ewlenin fiż-żona Ewro fil-mument.
“L-ewwel nett, għadha mhux kapaċi treġġa’ lura biżżejjed id-diverġenzi ekonomiċi u soċjali bejn u fi ħdan il-membri taż-żona ewro li nħolqu mill-kriżi. Jista’ jkun li d-diverġenzi soċjali u ekonomiċi huma riżultat sistematiku tal-fassla eżistenti tal-Ewro?
It-tieni punt, il-forzi li mhux ċentrali fit-tmexxija tal-ewro qed iħallu impatt politiku qawwi. Jekk mhux se jiġu indirizzati, se jnaqqsu l-appoġġ li ċ-ċittadini għandhom lejn l-ewro u se joħolqu perċezzjonijiet differenti tal-isfidi, aktar milli qbil dwar il-viżjoni tal-ewro għall-futur.
It-tielet u l-aħħar punt, minkejja li l-Għaqda Ekonomika u Monetarja hija aktar b’saħħitha, għadha m’hix b’saħħitha biżżejjed biex tirreżisti x-xokkijiet. Bid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017, il-mexxejja Ewropej wegħdu li “jaħdmu lejn l-iffinalizzar tal-Għaqda Ekonomika u Monetarja; Għaqda fejn l-ekonomiji jersqu qrib xulxin.” Issa, din il-wiegħda trid tinżamm.”
Dr Alfred Sant għalaq id-diskors artikolat tiegħu billi emfasizza li dan kollu jeħtieġ kuraġġ politiku, viżjoni komuni u determinazzjoni biex l-aġir ikun għall-interess komuni.